“Kienu daħluhieli f’rasi li kont inbati fl-iskola għaliex jien għażżien u traskurat.”
Kliem Matthew Attard ta’ 33 sena u li għandu l-kundizzjoni tal-Epilessija. Din twassal biex persuna jkollha aċċessjoni aktar minn darba f’ħajjitha, u hu maħsub li taffettwa mal-erbat elef persuna f’Malta.
Magħna, Attard spjega li sa ma kellu 15-il sena, kellu diffikultajiet fl-iskola u biex jikkomunika. Meta eventwalment ġie riferut għand xi esperti, qalulu li hemm 95% ċans li l-problema hija waħda psikoloġika, u 5% ċans li l-problema hija waħda fil-moħħ.
Huwa qalilna: “Minn hemm, lil ommi għidtilha li kienet qed iddejjaqni dik il-5% ċans li hija xi ħaġa fil-moħħ. Morna għand speċjalista tal-moħħ, u għamilt it-test tal-EEG. Minn hemm ħarġet id-dijanjosi.”
Dak il-ħin, ħass xokk għaliex l-Epilessija ma kienx sema’ biha, u kien hawn ftit għarfien dwarha hawn Malta.
Matthew saħaq: “Ħadd ir-ruħ, għax tant kienu daħluhieli f’rasi li kont inbati fl-iskola għaliex kont għażżien u traskurat, li hekk imbagħad kelli raġuni. U mhux skuża. Jekk int għandek kundizzjoni li m’għażiltx li tiġi fuqek, hija raġuni u mhux skuża. Speċjalment jekk lanqas biss kont taf biha minn qabel.”
Illum, Matthew jaħdem fl-intraċċar tal-kuntatti dwar tal-persuni li jkunu rriżultaw fil-pożittiv għall-COVID-19, li jfisser, li t-temtima li kienet iddejqu meta kien iżgħar, u wisq anqas il-kundizzjoni tal-Epilessija, ma rebħux.
Magħna qal li persuni bħalu jistgħu jsibuha diffiċli jsibu impjieg, primarjament għaliex ma jikkwalifikawx għal liċenzja tas-sewqan iżda minkejja l-isfidi li ġġib magħħha l-kundizzjoni, Matthew għandu dan il-messaġġ għalik, li forsi għandek l-Epilessija, u qed tħossok anqas minn ħaddieħor.
Matthew sostna: “Jekk inti żviluppatlek l-Epilessija jew twelidt biha, mhux għażla tiegħek, allura għix ħajtek. Tħallihiex tikkundizzjonak. Hemm ovvjament limiti ta’ x’tista’ tagħmel, imma tħallihiex tikkundizzjonak kif għandek tgħix.”
U għalik li m’għandekx il-kundizzjoni, iżda tixtieq tkun mgħarraf aħjar dwarha, Matthew għandu parir wieħed.
Matthew appella: “Tiddejjaqx, staqsi għaliex dak li jkun qed isibha diffiċli jagħmel ċertu affarijiet. Jekk huma jħossuhom komdi jgħidulek, dak hu pass ieħor għal iktar għarfien infurmat.”