Tliet kumpaniji li jimmanifatturaw il-ġugarelli tat-tfal, flimkien ma’ xandar ta’ programmi tat-televiżjoni kienu penalizzati wara li nstab li s-siti tagħhom għandhom dawk li jissejjħu ‘cookies’ u teknoloġija oħra li kapaċi tikseb informazzjoni dwar il-konsumatur.
L-Avukat Ġenerali ta’ New York qal li dawn qablu li jħallsu multi li jammontaw għal $835,000. Fl-Istati Uniti mhux permess li siti bi prodotti għal dawk li għandhom taħt it-tlettax-il sena jiksbu informazzjoni personali mingħajr il-permess tal-ġenituri.
“Illum-il-ġurnata, it-tfal jgħixu online u hemm bżonn li wieħed iħares l-internet daqs kemm hemm bżonn ħarsien fit-toroq” qal l-Avukat Ġenerali Eric Schneiderman. Żied jgħid li ma jixtieq ikun hemm dossier fuq kwalunkwe tifel jew tifla, li jista’ jintuża biex uħud jagħmlu profitt.
Il-kumpaniji involuti huma: Mattel, li fis-siti ta’ Barbie, Hot Wheels, Fisher-Price, Monster High, Ever After High u Thomas & Friends kelli teknoloġija li kapaċi tintraċċa lin-nies. Viacom kellhom l-istess fis-siti Nick Jr u Nickelodeon, li għandhom il-paġni għal logħob ta’ Dora the Explorer, Spongebob Squarepants u Teenage Mutant Ninja Turtles. Hasbro kellhom is-sit Nerf blasters u Jumpstar kelllhom teknoloġija fis-sit Neopets.
Dawn kollha ffirmaw ftehim biex is-siti tagħhom ikunu eżaminati, biex ikun evitat li jkollhom teknoloġiji simili fil-futur.