Christa Formosa, it-tfajla ta’ tlieta u għoxrin sena mill-Iklin li kmieni s-Sibt filgħodu kienet involuta f’inċident tat-traffiku f’Burmarrad, tilfet il-battalja mal-mewt.
Dan wara sigħat tiġġieled għal ħajjitha fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei.
Hija tilfet ħajjitha mat-tokki tal-ħdax tas-Sibt filgħaxija.
Iż-żagħżugħa kienet għadha kemm rifset l-għatba tal-karriera tagħha, hekk kif kien biss ftit tax-xhur ilu li gradwat bħala social worker.
Fl-aħħar snin bdiet timmudella. Deċiżjoni li kienet xprunata mill-esperjenzi li għaddiet minnhom tul ħajjitha, kif kienet qalet hi stess f’intervista li kellha.
Kien dan li wassalha biex tibda timmudella. Tkellimna ma’ Sue Rossi, il-persuna li rat il-potenzjal fiha u kellmitha mal-ewwel.
Spjegat kif “Kont rajtha tifla grazzjuża minn fuq il-Facebook u kont iltqajt magħha ovvjament kienet ġiet u rajtha organizzata, brava, tifla ta’ ħafna talent, u bqajna naħdmu flimkien fl-attivitajiet l-ewwel fashion show li kellha kienet competition u għamlet suċċess għax kienet akkwistat riżultat tajjeb ħafna.”Sue ħaditna lura tliet snin għall-ġurnata li ltaqgħet ma’ Christa għall-ewwel darba. Stqarret li mal-ewwel rat fiha potenzjal kbir.
Rossi qaley li “Kienet tiġi kull meeting li kien ikolli, dejjem tniżżel in-noti, pero t-talent li kellha, kienet ġentili ħafna, kif rajna mill-maġġoranza fuq Facebook, għexieren ta’ nies li kulħadd jippostja ritratti tara u hemmhekk tara kemm kienet maħbuba din it-tfajla.”
Fost l-ewwel messaġġi ta’ kondoljanzi, ħasda u rakkonti ta’ tifkiriet, kien hemm dak ta’ waħda mill-ħbieb qrib tagħha, li qalet hekk:
“Kont tfajla b’qalb speċjali. Ilni lejl niċċassa u nħares lejn il-mowbajl nistenna xi messaġġ mingħandek u tgħidli li kollox se jkun sew. Ma nistax inniżżilha li ħallejtni hawn meta sa dil-ġimgħa stess konna qed niddiskutu l-ħruġ tas-Sajf u l-futur.”
Ħabiba oħra rrakkontat kif kienu joħolmu flimkien dwar il-jum tat-tieġ, l-iljieli li qattgħu flimkien u l-jiem ta’ studju fl-Università.
Ħafna kitbu li se jibqgħu jiftakru lil Christa għat-tbissima ġenwina tagħha u għall-qalb tad-deheb li kellha.
F’messaġġ skjett iżda qawwi, l-għarus tagħha kiteb li diġà qed iħoss ħafna n-nuqqas tagħha u li dejjem se tibqa’ f’qalbu. Miegħu ngħaqad ħuha, li tella’ ritratt tagħhom flimkien meta kienu żgħar.
Iżda minkejja li ħajjitha fuq din l-art waslet fit-tmiem, Christa żgur li xorta se tibqa’ tgħix f’bosta persuni li ltaqgħet magħhom f’ħajjitha. Ħajja li ntemmet kmieni wisq.