Waqt intervista mal-istazzjon Brittaniku Times Radio, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, tkellem dwar kemm ir-Reġina Eliżabetta II kienet, għadha, u se tibqa’ rispettata u ammirata mill-poplu Malti. Qal ukoll li l-Maltin se jibqgħu jgħożżu l-memorja tagħha bħala parti importanti mill-istorja tagħhom.
Isma’ hawn:
Il-Ministru Borg semma l-fatt li l-Gvern akkwista l-villa fi Gwardamanġa fejn qattgħu żmien tant sabiħ ir-Reġina u l-Prinċep Filippu meta kienu żgħażagħ u kienu joqogħdu f’pajjiżna. Din il-villa se tiġi rrestawrata u tinbidel f’mużew sabiex iż-żmien meta Eliżabetta għexet Malta jibqa’ mfakkar b’għożża.
“Kienet tħobb lil Malta u l-Maltin verament ħabbewha,” irrimarka l-Ministru Ian Borg.
Huwa fakkar li r-Reġina żaret Malta kemm-il darba, u li l-aħħar vjaġġ tagħha barra minn pajjiżha kien proprju lejn Malta, għal-laqgħa tal-Kapijiet ta’ Stat u Gvern tal-Commonwealth, magħrufa bħala ċ-CHOGM, fl-2015.
Il-Ministru Borg sostna li r-relazzjonijiet bejn Malta u r-Renju Unit, li tant kienu qrib matrul ir-renju ta’ Eliżabetta II, se jkomplu jissaħħu taħt ir-Re Karlu III.