Ir-ristorant Fernandõ Gastrotheque huwa s-sitt ristorant f’pajjiżna li kiseb l-istatus ta’ stilla fuq il-gwida tal-Michelin.
Din il-gwida tirrikonoxxi l-kwalità u l-ħiliet kulinajri tal-aqwa ristoranti fid-dinja fuq skali differenti.
Fernandõ Gastrotheque, li jinsab f’Tas-Sliema, kien ġie rikonoxxut mill-gwida tal-Michelin bħala ristorant rakkomandat fl-2021 u din is-sena ġie ttimbrat bl-ewwel stilla tiegħu, xhieda tal-istandard għoli li dan joffri lill-klijenti tiegħu.
Crew ta’ ONE News żar dan ir-ristorant u tkellem mas-sid, Nicholai Grech, li rrakkonta r-reazzjoni tiegħu u tal-istaff għal din l-aħbar mill-aktar pożittiva.
Nicholai Grech qal li, “Ħadna gost, ħadna gost nagħmlu li qegħdin nagħmlu u ovvjament x’ħin ġiet din il-ħaġa kienet sorpriża għax ma mmaġinajniex li stajna naslu s’hemmhekk, u onorati li dejjem, bil-passjoni kollha li tajna għal din il-ħaġa, naħseb dan wieħed mill-akbar rikonoxximenti.”
Minkejja din il-perċezzjoni, il-Michelin xorta rrikonoxxiet lil dan ir-ristorant, li jiffoka fuq l-oriġinalità tal-prodott li joffri kkombinat ma’ varjetà wiesgħa ta’ nbejjed li dan għandu.
Grech spjegalna li dan ir-rikonoxximent wassal għal żieda sostanzjali fl-ammont ta’ riservazzjonijiet b’mod speċjali mingħand Maltin u saħansitra turisti li jsegwu lil din il-gwida u jiffrekwentaw postijiet ta’ dan it-tip.
Is-sid ta’ Fernando Gastrotheque qal li,“Aħna, min-naħa tagħna, dawn il-ġimgħatejn li għaddew li ħadna l-istilla, it-telefonati ma waqfux, il-bookings kienu tajbin ħafna. Min-naħa tagħna se nibqgħu nagħmlu li konna qegħdin nagħmlu qabel. Aħna d-differenza hija li se jkun hemm stilla hemm barra. X’jiġri hawn ġew huwa xi jwassalna biex inġibu dik l-istilla. Jiġifieri m’għandniex l-intenzjoni li ngħollu l-prezzijiet, inbiddlu s-servizz, innaqqsu l-imwejjed – xejn minn dan.”
Fil-fatt, waħda mill-kriterji li wkoll tosserva l-gwida tal-Michelin hija l-konsistenza fil-kwalità tas-servizz offrut minn dawn ir-ristoranti.
Minkejja li tkellem fuq il-prestazzjoni tar-ristorant li jmexxi hu, Grech faħħar ukoll il-fatt li nġiebet din il-gwida f’pajjiżna hekk kif inċentivat aktar lir-ristoranti Maltin biex jimmarkaw il-gastronomija lokali fuq pjattaforma daqstant prestiġġjuża.
Intant, huwa kkummenta kif ristoranti rikonoxxuti mill-Michelin se jkomplu jgħollu l-livell ta’ pajjiżna anki lil hinn minn xtutna, b’żieda fl-għadd ta’ turisti li jfittex din in-niċċa.
Is-Sur Grech qal li, “Hija xi ħaġa sabiħa li hawn Malta jkun hawn dawn it-tip ta’ postijiet li, fejn qabel kont issiefer biex tmur tiekol f’ristorant li għandu Michelin Star, illum għandna sitta f’pajjiżna, li hija naħseb jiena għad-daqs tagħna hija xi ħaġa tajba ħafna.”