Min libes xi ħaġa ta’ lewn roża, u min xegħel il-faċċata jew xi post bid-dawl roża. Oħrajn għażlu li jsajru xi kejk jew xi ħaġa tal-ħelu bil-kulur roża.
Kulħadd bl-ideat innovativi tiegħu, iżda għal għan wieħed, dak li titqajjem aktar kuxjenza dwar il-kanċer tas-sider.
Matul ix-xahar ta’ Ottubru għadd ta’ skejjel, kumpaniji u għaqdiet ħadu sehem fil-kampanja Pink October imtella’ mill-Fondazzjoni Marigold.
Fl-aħħar jum tal-Kampanja Pink October, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, mart il-Prim Ministru is-sinjura Michelle Muscat, fetħet il-bibien ta’ Villa Francia fejn iltaqgħet ma’ għadd ta’ studenti, li minn ċkunithom bdew jiġu mgħarrfa dwar l-importanza li jiċċekkjaw lilhom infushom, u jagħmlu t-testijiet.
Is-Sinjura Muscat qalet li Ottubru kien “xahar sabiħ ħafna fejn rajna diversi skejjel, uffiċini, u postijiet jingħaqdu flimkien u jipparteċipaw b’diversi modi f’din il-kawża”, u li l-pubbliku wieġeb bi ħġaru fil-kampanja Pink October.
Fost l-attivitajiet ewlenin tal-Fondazzjoni kien hemm il-Pink October Bike Ride. Mijiet ta’ sewwieqa ta’ muturi saqu mit-torri ta’ San Luċjan sal-parkeġġ tad-Dwejra fil-Qala Għawdex.
Saret ukoll mixja mill-Esplora sal-Pjazza tal-Birgu.
B’vuċi waħda, twassal il-messaġġ biex in-nisa jegħlbu l-biża’, u jmorru għat-test bil-għan li l-kanċer jinqabad fi stadju bikri.
Fi kliem is-sinjura Muscat, l-iktar ħaġa importanti hija li ħafna fehmu l-importanza tal-kampanja:
“Matul is-sena, diversi NGOs iġġieldu din il-kawża. Iżda issa din il-kawża telgħet fuq l-aġenda Nazzjonali, fejn kollha flimkien ipparteċipajna f’attivitajiet u ħdimna”.
Issa li spiċċa x-xahar ta’ Ottubru, il-ħidma tal-Fondazzjoni Marigold mhux se tieqaf hawn.
Michelle Muscat, deskritta bħala persuna enerġetika, flimkien mat-tim tal-Fondazzjoni qalet li se tkompli b’ħitmitha biex tgħin l-għaqdiet mhux governattivi, filwaqt li tqajjem aktar kuxjenza dwar il-mard rari, l-awtiżmu u l-mard mentali.
Minkejja li fadal sena oħra għal Pink October, is-sinjura Muscat diġà qiegħda taħseb kif is-sena id-dieħla l-kampanja Pink October tkun akbar u eċċitanti.
“Hemm ħafna xi jsir, u aħna se nkunu qed naħdmu biex ikollna kampanja aktar sabiħa”, temmet tgħid Michelle Muscat.