Londra, il-belt li tiġbed numru kbir ta’ turisti għal raġunijiet differenti, fosthom li għarus jipproponi lill-għarusa tiegħu bix-xeni mill-isbaħ ta’ Londra fl-isfond. Iżda dan il-pjan ma spiċċax tajjeb wisq għal tfajla mir-Rumanija li l-Erbgħa waqgħet fix-xmara Thames fil-mument li twettaq attakk terroristiku. Is-sieħeb tagħha kellu l-pjan li jipproponielha propju matul il-ġurnata tal-Erbgħa iżda minflok spiċċat tiġġieled għal ħajjitha wara dan l-attakk, li ħalla erba’ persuni mejta.
Andreea Cristea ta’ 29 sena kienet Londra mal-għarus tagħha Andrei Burnaz, kienet qed tiċċelebra l-għeluq snin il-maħbub tagħha. Ċelebrazzjoni li nbidlet f’mumenti ta’ biża u niket. Filmati fuq il-midja soċjali juru l-mument li t-tfajla spiċċat fix-xmara hekk kif seħħ l-attakk. L-ambaxxatur tar-Rumanija Dan Mihalache qal li huwa mifhum li l-karozza l-ewwel laqtgħet lil Burnaz u imbagħad wassal biex Cristea tispiċċa fix-xmara. Huwa spjega li dan huwa każ drammatiku li jinvoli żewġ turisti li d-destin tagħhom ma tantx kien wieħed tajjeb.
It-tfajla ngħatat l-ewwel għajnuna minn bastiment għat-turisti li kien għaddej mix-xmara fil-mument li ġara dan kollu. Hija ttieħdet l-isptar u ġiet operata u tinsab fil-periklu tal-mewt. Is-sieħeb tagħha weġġa’ l-irkoppa iżda ħareġ mill-isptar. Id-destin ta’ din il-koppja nbidel hekk kif għad mhux magħruf jekk il-maħbuba ta’ Burnaz hux se tkun tista’ tgħix għall-mument li s-sieħeb tagħha jsaqsiha biex tiżżewġu.