Dan huwa Frans Caruana, li llum jgħodd tlieta u tmenin sena.
Sittin sena ilu kien għoddha b’waħda wara t-traġedja li ġrat f’El Adem fil-Libja.
F’din it-traġedja mietu sittax-il persuna, ħmistax-il Malti u l-kaptan.
Frans kien qiegħed jaħdem ġewwa l-Libja bħala parti mill-inġienera Maltin mal-Armata Ingliża.
Caruana qalilna kif minħabba raġunijiet personali ried jiġi Malta malajr u kien se jinżel ma’ dan l-ajruplan, flimkien ma’ tim ieħor tal-Armata.
Iżda kif mar hemmhekk il-bieb ingħalaq, hekk kif l-ajruplan kien mimli u hawnhekk huwa ra din it-traġedja. Huwa rrakkonta: “U waqt li beda jipprova jtellgħani, qalli inżel għax kieku diġà ħa jagħlqu l-bibien biex jitilqu. U qalli biex nistennew. Meta stennejniehom ftit biex narawhom sejrin, l-ajruplan telaq u tela’ qisu nqata’ madwar żewġ sulari, ħa tisbita mal-art u waħda mill-ġwienaħ inqagħtet.”
Caruana spjega magħna kif il-ġwienaħ inqalgħu t-tnejn u l-ajruplan kompla jitkaxkar u qabad ħuġġieġa.
Hawnhekk huwa qalilna kif ra n-nies minn ġewwa l-ajruplan jippruvaw jaqbżu ’l barra u bin-nar magħhom jaqbad.
Caruana spjega li wara din it-traġedja, huwa flimkien ma’ oħrajn li salvaw minn din it-traġedja, ħadu ħsieb sabiex iġibu l-katavri jiġu lura Malta għal difna xierqa: “Meta ġejna hawn, ġejna bit-trakkijiet mgħobbijin. Ġibna t-trakkijiet kollha biċ-ċoffijiet suwed, niftakar għax qabduni biex immur nimxi minn Tobruk biex nixtri ż-żigarella sewda.”
Caruana mbagħad ġie Malta b’vapur flok b’ajruplan. Frans Caruana qalilna x’ħass dak il-ħin x’ħin ra t-traġedja quddiem għajnejh: “Jien li ħassejt, qisu bħal speċi ta nħsadt għedt il-Madonna. Il-Madonna refgħatni minn xagħri jien biex ma ħallinix nitla’. Anke l-fizzjal hekk għedtlu, li kien miegħi, qalli għedt tara li kieku mort fuqu, qalli kont tibqa’ magħhom ukoll. Qalli ‘kont lucky’.”
Caruana għalaq magħna l-intervista b’dan il-mod: “Tibqa’ mmarkata, meta tisma’ fuqha aktar u aktar tibda ġġib quddiem għajnejk, l-istampa li rajt quddiem għajnejk.”