Waqt li kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Joseph Bonnici li jinsab mixli li qatel lil ommu Maria Lourdes u lil oħtu Angelle f’Ħal Għaxaq, l-imgħallem tiegħu Silvan Carabott xehed li l-akkużat kien bniedem tal-affari tiegħu u ma setax jemmen li kien hu li allegatament qatilhom lil ommu lil oħtu.
Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, Carbott xehed li Bonnici kien ilu sentejn jaħdem miegħu f’negozju tal-fjuri. Xehed li l-għada li l-vittmi ġew rapportati nieqes, Bonnici ħareġ bil-leave għax qallu li ma kienx qed iħossu tajjeb.
Meta mistoqsi, Carabott qal li Bonnici kien maħbub mill-klijenti tiegħu u x-xogħol kien jagħmlu aħjar minnu. Qal li meta Bonnici ġie arrestat mill-pulizija ħadd ma seta’ jniżżilha li l-akkużat kien il-moħħ wara ommu u oħtu. Qal li qatt ma ra aggressjoni mingħand Bonnici u li qatt ma kellu xi jgħid ma’ ħadd.
Fis-seduta xehed ukoll is-Surġent Malcom Pace. Qal li dakinhar tal-arrest waqt li kienu sejrin il-Qorti, l-akkużat qallu m’hemmx x’tagħmel la l-moħħ ħadem hekk. Żied li Bonnici għamel idejh ma’ wiċċu u beda jibki u jgħidlu biex jiskużah.