Ilu jsegwi l-Logħob Olimpiku sa minn meta kien tifel ċkejken. Issa, ta’ tnejn u għoxrin sena, se jirrappreżenta lil Malta fl-akbar avveniment internazzjonali tal-isport li jsir darba kull erba’ snin.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-plejer tal-badminton Matthew Abela ġie nfurmat li se jnaqqax ismu bħala l-ewwel atleta tal-badminton li se jirrappreżenta lil Malta fl-Olimpjadi.
Ma’ ONE News, il-plejer żagħżugħ spjega kif it-telefonata bl-aħbar daħlitlu meta kien qed jitħarreġ barra minn xtutna.
Qal, “Ma kontx qed nistenniha imma kienet sorpriża għax għalhekk ili naħdem f’dan l-isport.”
Matthew qalilna li mill-ewwel sab appoġġ kbir mill-familja, sħabu u l-Maltin inġenerali, imma mhux biss, għaliex anki plejers bl-istess mira, ferħu miegħu.
Spjega, “Kont sorpriż li huma ovvjament iridu dan it-target ukoll imma waqt it-tournament kulħadd qalli proset u good luck jiġifieri kien mument sabiħ anki r-rispett bejn il-plejers, ħadt gost ħafna.”
Ma’ Matthew ltqajna l-għada li wasal minn turnew fil-Litwanja u wara ġimagħtejn ta’ taħriġ fid-Danimarka.
Qal, “Issa għandi ġimagħtejn u nofs hawn Malta, ħa jkollna camp internazzjonali fejn ġejjin xi plejers u kowċis barranin. Wara li nispiċċa dak għandi l-aħħar ġimagħtejn Danimarka. Nerġa’ niġi hawn Malta imbagħad insiefer mat-tim Tokjo.”
Huwa qalilna xi jfisser għalih li jirrapreżenta lil Malta fl-Olimpjadi u x’qed jistenna minn din l-esperjenza.
Qal, “Unur kbir. Biex nirrappreżenta lil pajjiżi fl-Olimpjadi hija xi ħaġa kbira ħafna imma jien it-target tiegħi kien li ovvjament, immur l-Olympics, ma stennejthomx dis-sena imma kont qed nimmira għal tliet snin oħra, imma nimmira li mmur hemmhekk mhux biss nipparteċipa imma nixtieq nagħti l-hundred percent tiegħi u nħalli kollox fuq il-court.”
Fuq kollox, il-plejer żagħżugħ, li diġà għamel isem kemm f’Malta u anki barra minn xtutna, jixtieq jitgħallem kemm jiflaħ minn din l-esperjenza u jkompli jsaħħaħ il-karattru tiegħu, kemm fl-isport u anki lil hinn.