Mat-tokki ta’ nofs il-lejl ta’ bejn il-31 ta’ Marzu u l-1 ta’ April tal-1979 meta pajjiżna ħa l-ħelsien, is-settur tal-avjazzjoni ta’ pajjiżna wkoll għadda f’idejn il-Gvern Malti.
Madankollu din il-ġrajja ta’ 40 sena ilu ma kinetx waħda faċli għall-Maltin li dak iż-żmien kienu jaħdmu mar-‘Royal Air Force’ hekk kif f’mixja ta’ seba’ snin riedu jieħdu r-riedni f’idejhom.
Il-Maġġur Tony Abela, li dak iż-żmien kien membru tar-‘Royal Air Force’ spjegalna l-mixja biex illum pajjiżna għandu waħda mill-iktar kumpaniji tal-avjazzjoni effiċjenti fl-Ewropa – il-‘Malta Air Traffic Services’. Mixja kkaratterizzata bid-determinazzjoni tal-Eks-Prim Ministru Dom Mintoff.
“Rabat lill-Gvern ingliż li jħallilu nies itrenjati biżejjed biex ikun jista jieħu l-FIR jiġifieri l-ajruplani li ma jinżlux Malta u anke li jkollu contorllers bizejjed biex jikontrolla l-ajruport. Allura l-inglizi mis-72 sa 79 kellhom jitrenjaw nies bizejjed biex il-Gvern Malti jkun jista jopera, ” qal il-Maġġur.
Il-Maġġur Abela qal li f’dawn is-seba’ snin l-Eks Prim Ministru Mintoff għajjatlu kemm il-darba. F’perjodu fejn l-irwol tiegħu kien ta’ pont bejn il-Gvern malti u dak ingliż.
“Jien kont qed nagħmel il-liason fl-aħħar 6 xhur, bgħatt għalija darbtejn li kien imbeżża’ barra minn hekk Mintoff kien jibża li verament ikun hemm xi forzi armati li x’hin jitilqu l-inglizi xi armat barraninjieħdu l-ajruport. Ġieli talab inkjesti għax daħal xi ħadd bla permess fl-ispazju jiġifieri biża kellhu, ” kompla jgħid Abela.
Huwa jgħid kif dejjem prova jikkonvinċi lil Mintoff biex ma jaqtax qalbu u jemmen li permezz tal-ħila ta’ dawk leali lejn pajjiżna kienu se jaslu.
L-intoppi tal-Ingliżi matul dan iż-żmien ma naqsux bil-għan li l-ajruport ma jsalvax għall-aktar minn 6 xhur wara t-tluq tal-Ingliżi. Iżda Abela jgħid li llum 40 sena wara dan is-settur hu wieħed ta’ suċċess u li jiffaċilita l-moviment għall-iżjed minn 6 miljun passiġier fis-sena.