Fil-Knisja ta’ San Duminku fir-Rabat qed tingħata l-aħħar tislima lill-eks Ministru Laburista u eks Speaker tal-Parlament, it-Tabib Daniel Micallef.
It-tabib Rabti ħalla din id-dinja nhar il-Ġimgħa fl-età ta’ 94 sena.
Din l-aħħar tislima saret 45 sena eżatt wara li t-Tabib Daniel Micallef kien fetaħ uffiċjalment iċ-Ċentru Laburista fil-lokalità li tant kienet għal qalbu.
Fl-omelija, l-Isqof Malti Monsinjur George Frendo qal li t-tabib Daniel kien nisrani konvint u serva fil-komunità bħala tabib kapaċi u maħbub, hekk kif huwa kellu empatija. Intqal li huwa kien iħoss u jidħol fis-sitwazzjoni tal-pazjent.
Il-Monsinjur Frendo sostna kif it-tabib Micallef kien politiku genwin u daħal fil-politiku għas-servizz tal-pajjiż.
Fl-omelja huwa spjega li huwa kien umanitarju, hekk kif kien għen fl-Albanija, waqt il-gwerra fil-Kosovo u kien għen lil dawk l-aktar li kellhom fil-bżonn.
Preżenti għal din l-aħħar tislima kien hemm l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, Presidenti Emeritus u eks deputati Laburisti li ħadmu mill-qrib mat-tabib Micallef.
Preżenti wkoll il-qraba, fosthom id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, li huwa n-neputi tat-tabib Micallef.