L-Arċidjoċesi ta’ Malta għaddiet proprjetà lill-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli sabiex fiha jseħħ l-ewwel proġett ta’ akkomodazzjoni affordabbli.
Din il-proprjetà, li fis-snin kienet kienet kunvent tas-sorijiet, tinsab fir-raħal ta’ Ħal Kirkop.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, Stefan Cutajar, spjega kif dan il-proġett, u proġetti oħra fil-futur, għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ bosta familji.
“Nilqgħu fostna familji, individwi, u anke anzjani li ma kinux qed ilaħħqu mas-suq privat. Se nagħtuhom rati aktar affordabbli b’aktar stabbiltà ħalli jkunu jistgħu jilħqu l-aspettattivi tagħhom. B’dawn is-soluzzjonijiet żgħar ta’ riġenerazzjoni nilħqu bosta għanijiet.”
Robert Buontempo, li huwa l-Kap tal-Proprjetà tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, spjega kif fis-snin li ġejjin se jkun qiegħed isir f’din il-binja xogħol estensiv sabiex jitwettaq dan l-ewwel proġett ta’ akkomodazzjoni affordabbli.
“Bil-ħidma li tkompli bejn il-membri tal-Istat u tal-Knisja fi ħdan il-fondazzjoni, din id-dar tiġi rranġata, tiġi modifikata biex tibda, fi ftit żmien ieħor, tilqa’ l-persuni li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din il-Fondazzjoni għall-Housing Affordabbli.”
Fi żjara li għamel f’din il-binja, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, irrimarka li dan kollu jkompli jixhed ir-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern.
“Dan huwa l-mod kif l-Istat, flimkien mal-Knisja, qed jaħdem sabiex jimraħ f’opportunitajiet ġodda, mhux biss favur l-ambjent imma wkoll favur il-ħidma soċjali u ta’ housing affordabbli li minnha se jibbenefikaw bosta familji.”