Id-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco kien konxju li kumpaniji li ħadmu ma’ Progress Press fuq reklamar fuq magazines, allegaw li l-kumpanija responsabbli mill-pubblikazzjoni tat-Times kienet qed titlob iżjed flus fuq ċifri mhux veritieri ta’ stampar ta’ kopji ta’ rivisti u pubblikazzjonijiet oħra.
Dan ħareġ minn artiklu fuq il-Lovin Malta, is-sit li rrapporta li l-kumpanija tat-Times kienet tbigħ ir-reklami fuq pubblikazzjonijiet fuq rivisti u tagħti ċifri ta’ kopji stampati, ferm iżjed minn dawk li fil-fatt kienu jiġu stampati.
Il-Lovin Malta rrappurtat li l-kumpaniji li kienu jirreklamaw fuq pubblikazzjonijiet tal-kumpanija tat-Times kellhom l-għażla li anki jipprovdu xi prodotti tagħhom u dan kien iwassal għal prezz ogħla tar-reklam.
Naturalment dawn il-kumpaniji kienu jagħtu n-numru tal-prodotti li kienu se jitqassmu mal-publikazzjoni, kif mitlub mill-kumpanija tat-Times, li iżda peress li ċ-ċifri kienu ferm inqas ta’ dawk imsemmija, il-kumplament tal-prodotti li suppost kienu jkunu mar-rivisti, kienu jispiċċaw jintremew.
Sors mas-sit li rrapporta din l-istorja qal li Progress Press tat-Times kienet titlob mal-ħamsa u tletin elf tip ta’ prodott iżda l-bejgħ fil-pubblikazzjonijiet mas-Sunday Times kienu ferm inqas.
Il-kumpaniji li kienu jirreklamaw mal-magazines li kienu joħorġu mas-Sunday Times kienu jintalbu jħallsu reklam fuq erbgħin elf kopja iżda fil-fatt iċ-ċifra kienet tkun ferm inqas, b’sorsi jsemmu ftit iżjed min-nofs ta’ dak li kienu jintalbu jħallsu għalih.
Fi tweġiba li ta, Mario de Marco li daħal fil-każ bħala avukat f’isem Progress Press, qal li hu jinsab marbut bil-kunfidenzjalità.
Bi tweġiba għal dak rappurtat, li l-kumpaniji li rreklamaw mat-Times bdew jitolbu tnaqqis fil-ħlasijiet, de Marco qal li l-kumpaniji jistgħu jitolbu tnaqqis fil-ħlas għal diversi raġunijiet.
De Marco huwa wieħed mill-ħames membri tal-Kunsill tal-Fondazzjoni Strickland, li hija ix-shareholder ewlieni tal-kumpanija tat-Times, Allied Newspapers.
Intant il-Kap tal-Operat tal-Allied, il-kumpanija l-oħra tat-Times, Alex Galea u ċ-Chairman Paul Mercieca saħqu li r-rapport tal-Lovin Malta huwa malafamanti u mimli ineżattezzi u insinwazzjonijiet iżda Robert Hornyold-Strickland, li għandu tlettax fil-mija tal-ishma fl-Allied saħaq li qed jitlob spjegazzjoni mill-amministazzjoni tal-kumpanija tat-Times dwar dawn l-allegazzjonijiet.
Is-sit Lovin Malta ħareġ b’din l-istorja fuq it-Times wara li ftit tal-ġimgħat ilu, it-Times kixfet li Chris Peregin, illum strateġista tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, għad għandu kontroll enormi fil-Lovin Malta u saħansitra għadu ma biegħx l-ishma tas-sit li waqqaf.