Donald Bellizzi, eks patri Franġiskan u eks Kappillan ta’ Burmarrad kellu s-sentenza ta’ tliet snin ħabs ikkonfermata fl-istadju tal-appell wara li nstab ħati li abbuża minn tifel.
Il-każ seħħ bejn l-2010 u l-2013 meta t-tifel kien qed jiġi mġiegħel jimmasturba u jagħmel atti indiċenti fuq l-patri.
Minn xhieda li ngħatat anki mill-familja tat-tifel, li l-identità tagħha ma tistax tiġi żvelata fuq ordni tal-Qorti, it-tifel kien jittieħed f’dar tal-irtirar f’Burmarrad u anki Marsalforn għal taħditiet tal-vokazzjonijiet u hawnhekk il-Patri kien jabbuża minnu.
It-tifel kien qal lil ommu li Fr Donald messu.
Spjega kif il-patri kien anki mmasturba lilu anki fi żminijiet differenti f’kunvent fir-Rabat meta tkun ġejja xi festa fejn kien ikun se jsir l-armar għall-Ġimgħa l-Kbira.
Bejn it-tifel u l-Patri anki sess orali kien spiċċa seħħ.
Fil-Qorti ntqal kif Fr Donald Bellizzi spiċċa jsir ħabib tal-familja tal-vittma u anki kien imur jiekol għandhom.
Hawnhekk it-tifel kien jitla’ f’kamartu meta jara wiċċ il-Patri u l-ġenituri tiegħu ntebħu li hemm xi ħaġa stramba.
Il-familja spiċċat anki tirrapporta l-Kurja biex jittieħdu l-passi.
Kien hemm żmien ukoll meta Fr. Donald Bellizzi neħħewlu l-abbatini u t-tfal mis-servizzi reliġjużi li kien jagħmel u hawn staqsa lil dak li kien abbużah jekk tkellimx xi ħaġa.
Il-Patri għandu wkoll każijiet oħra t’abbuż sesswali fuq tfal oħra u fil-pussess tiegħu nstab materjal pornografiku tat-tfal.
L-Avukat Stefano Filletti deher għall-familja tal-vittma, filwaqt li l-Avukat Joe Giglio ddefenda lill-Patri.