F’Malta u Għawdex hawn 35 skola liċenzjati biex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin. Dawn huma rregolati mill ELT Council, li joħroġ il-liċenzja wkoll lill-għalliema.
Minkejja li l-COVID tat daqqa ta’ ħarta lil dan is-settur, l-indikazzjonijiet qed juru figuri b’saħħithom għall-futur. Dan huwa importanti għall-pajjiż minħabba li din l-industrija tikkontribwixxi għat-turiżmu u anki għal oqsma oħra tal-ekonomija.
Barra minn hekk, tikkontribwixxi wkoll għal skambju kulturali, partikolarment meta dawk li jiġu fostna biex jitgħallmu l-Ingliż jagħżlu li joqogħdu ma’ familji Maltin.
Elizabeth u John Zammit ilhom ħames snin jospitaw studenti tal-Ingliż f’darhom f’San Ġwann. Mhux talli ma jiddispjaċihom xejn, talli hija esperjenza li jirrakkomandawha lil ħaddieħor.
Elizabeth irrakontatilna kif, fil-bidu, ċerti studenti jsibuha diffiċli jikkomunikaw bl-Ingliż minħabba l-fatt li din tkun għadha lingwa ġdida għalihom. Madankollu, din ma taqtgħalhomx qalbhom u jagħmlu minn kollox biex isibu mezz ta’ komunikazzjoni u jgħinuhom sakemm jaqbdu l-Ingliż.
“Għidtlu, ‘Mur ixtri ktieb bl-Ingliż żgħir, tat-tfal, tal-kbar, kif trid, kif tħossok komdu inti’. Għidtlu, ‘Siefer bih, oqgħod id-dar ipprattika’, għax il-Ġappun m’għandhomx Ingliż, dak ma jeżistix. Ipprattika, reġa’ bbukkja u bbukkja lilna biex jerġa’ jiġi hawnhekk. Minn dakinhar li ġie, ‘Hello, how are you?’.”
Elizabeth kompliet tgħidilna li mhumiex il-flus li jimmotivawhom biex jospitaw f’darhom lil dawn l-istudenti iżda l-fatt li dan joffrilhom esperjenza unika li tlaqqagħhom ma’ kulturi differenti u tagħtihom l-opportunità li jagħtu lil dawn l-istudenti togħma tal-kultura Maltija. Hija fakkritna f’waħda mill-isbaħ esperpjenzi li kellha, meta student ikkummenta li l-familja Zammit hija t-tieni familja tiegħu.
“Kemm kien iħobbna. Kien jgħidilna, ‘You are my second parents’. Kull meta joħroġ iġibilna r-rigali.”
Elizabeth appellat lil kull min hu interessat biex jospita l-istudenti u jgħaddi minn esperjenza unika li jiftaħ il-bibien għal kulturi differenti. Dan, naturalment, filwaqt li jkun ikkumpensat għal din l-ospitalità.
Kull min huwa interessat li japplika biex hu wkoll jagħmel din l-esperjenza bħala ospitant, jista’ jagħmel dan billi jżur is-sit elettroniku tal-Awtorità tat-Turiżmu.