“Ok, he is saying that he will not even talk to you and he will continue to shoot passengers every half an hour.”
Din hija l-korrispondenza li ta l-kaptan tal-ajurplan maħtuf tal-Egyptair, f’isem il-grupp terroristiku ta’ Ali Rezaq u sħabu, ħamsa u tletin sena ilu.
Dan l-avveniment baqa’ magħruf bħala l-akbar hijack li qatt ħalla vittmi fl-istorja u l-ikbar traġedja minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija f’pajjiżna, hekk kif inqatlu tnejn u sittin persuna.
ONE News tkellem mal-ġurnalist veteran tat-Times li dakinhar mar fuq il-post.
Huwa ddeskriva din it-traġedja, li kienet maqsuma fi tlieta, meta nieżel l-ajruplan li minn Ateni kellu jmur lejn il-Kajr, iżda ġie lejn Malta, il-mument meta Ali Rezaq u sħabu bdew jisparaw persuna kull kwarta u meta sploda l-ajruplan hekk kif il-Commandos Eġizzjani attakkaw l-ajruplan.
Dak il-ħin, it-terroristi bdew jitolbu l-fjuwil biex imorru l-Libja.
Il-ġurnalist veteran qal magħna kif jiftakar li wara ġurnata xogħol huwa kellu jerħilha lejn l-ajruport, fejn kien hemm kollega li permezz tar-radju beda jisma’ l-kommunikazzjoni bejn il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Karmenu Mifsud Bonnici u l-grupp terrorista, li ħataf l-ajruplan permezz tal-kaptan tal-ajruplan.
Dakinhar it-terroristi poġġew quddiem lill-passiġġiera Amerikani u Iżraeljani, u bdew joħorġuhom u jisparawlhom f’rashom.
Qal kif, “Niftakar waħda milli sparaw, Jackie Pflug, kienet mill-Iżrael mingħalija, kienu sparawlha u ma mititx. Kienu qed jisparawlhom u jitfgħuhom min fuq l-apron għall-art. Hi baqgħet hemmhekk ma ċċaqqalqietx, taparsi mejta, infatti kienet fieqet mhux għal kollox.”
Il-ġurnalist veteran spjega x-xena li kien hemm dakinhar.
Spjega li, “L-airport sadanitant kien dlam ċappa, dlam, dlam. Wara l-isplużjonijiet xegħel kollox. Nies minn fuqu jiġru u jisparaw, qed tifhem, jaqgħu u dawn l-affarijiet bil-konfużjoni li tista’ timmagina u duħħan ħiereġ minn kullimkien.”
Tkellimna wkoll mal-anestetista Dr Joseph Zarb Adami, li dakinhar kien fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar San Luqa. Qal kif dakinhar fl-isptar iddaħħlu diversi persuni, fosthom it-terrorist Ali Rezaq.
Qal kif, “Iltqajt miegħu huwa u dieħel id-dipartiment tal-emerġenza, ixxukkjat, flimkien ma’ suldat, b’riffle ma’ rasu u jiena u Dr Mike Bailey għamilnilu d-drip u filli ma kellux pressjoni u filli beda jistejqer u daħħalnih l-ITU.”
L-anestetista qal magħna kif dawk li ddaħħlu l-isptar kollha salvaw għajr għal tfajla Iżraeljana ta’ madwar għoxrin sena.
Sostna kif, “L-ITU, ovvjament kien hemm, mhux Ali Rezaq biss, li Omar Marzouki imbagħad għarfuh min hu, imma kien hemm tifla Iżraelita li waqfet tieħu n-nifs f’idejja, kellna nintubawha xorta u filfatt fl-aħħar mietet.”
Ali Rezaq, l-unika terrorist li baqa’ ħaj, ingħata sentenza fil-Ħabs ta’ Kordin fejn ħareġ fi Frar tal-elf disgħa mija tlieta u disgħin u bħalissa jinsab jiskonta sentenza f’ħabs fl-Amerka.
Huwa mistenni joħroġ mill-ħabs f’Lulju li ġej.