Ingliż li nqabad f’Malta sentejn ilu wara li kien imfittex għal sittax-il sena fuq il-qtil brutali ta’ raġel, issa nstab ħati fuq il-każ akkużat bih.
Christopher Guest More nstab ħati tal-qtil ta’ raġel quddiem uliedu u li ttorturah qabel qatlu.
Il-ġurati f’Qorti Ingliża għamlu iżjed minn tnax-il siegħa jiddelebiraw u ħarġu bil-verdett t’għaxar voti kontra tnejn.
Jirriżulta li l-vittma kellu d-dejn fuq droga u l-akkużat rabtu rasu ’l isfel, sawtu u ħarqu ħaj quddiem uliedu.
Meta nstab f’Malta f’Ġunju ta’ sentejn ilu huwa kien tressaq quddiem il-Qorti f’Malta u beda l-proċess ta’ estradizzjoni.
L-Ingliż kien tilef l-appell quddiem Qorti Kostituzzjonali f’Marzu ta’ sena ilu biex ma jiġix estradit lejn ir-Renju Unit.