Keith Desmond Falzon, raġel ta’ wieħed u erbgħin sena minn Birżebbuġa ngħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €20,000 wara li ġie mixli bi traffikar ta’ droga u li kellu materjal pornografiku tat-tfal. Huwa kien ilu jinżamm arrestat għal dawn l-aħħar sittax-il xahar.
Falzon kien tressaq il-qorti mill-pulizija wara rejd li kienet għamlet f’Awwissu ta’ sentejn ilu f’garaxx tal-akkużat f’Birżebbuġa stess. Fil-garaxx instabu flus kontant, materjal pornografiku illegali u droga.
L-Imħallef Giovanni Grixti laqa’ t-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest wara li qies li għadda żmien biżżejjed biex il-Prosekuzzjoni tressaq ix-xhieda tagħha, fosthom tfal vulnerabbli li setgħu kienu vittmi ta’ abbuż sesswali iżda li kienu għadhom ma telgħux jixhdu.