Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, waqt programm speċjali organizzat mill-fergħa ta’ Nisa Laburisti, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela qalet li din is-sena minkejja l-pandemija, xorta għandna niċċelebraw dan il-jum.
Dan għaliex fl-aħħar xhur deher biċ-ċar kemm in-nisa kienu minn ta’ quddiem biex jieħdu ħsieb u jipproteġu saħħet il-poplu Malti u Għawdxi.
Qalet kif, “Rajna matul l-aħħar 12-il xahar, in-nisa ddominaw f’dan il-perjodu għaliex ħafna nisa kienu frontliners u allura rajna kemm il-pajjiż jista’ jibbenefika meta n-nisa jkollhom sehem ugwali daqs irġiel.”
Lydia Abela qalet li Gvern Laburista kien katalista fl-aħħar snin biex illum għandna l-ogħla rata ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol.
Semmiet ukoll il-liġi storika li ressaq Gvern Laburista biex ikun hemm rappreżentanza ugwali tas-sessi fil-Parlament Malti.
Spjegat, “Nixtieq li b’din ir-riforma għada pitgħada t-tfajliet tagħna jħarsu lejn il-Parlament Malti u fih jaraw rappreżentanza ugwali fil-Parlament. Jaraw in-nisa u jispirawhom jipparteċipaw fid-dinja politika.”
Intant, ipparteċipaw f’dan il-programm bosta professjonisiti minn kull qasam fis-soċjeta Maltija, fosthom Dr Juanita Galea, anestetista u front liner fil-qasam tas-saħħa.
Qalet, “Infakkar li s-settur tas-saħħa f’pajjiżna ma bediex meta bdiet il-pandemija, kellna settur tas-saħħa b’saħħtu ħafna, wieħed mill-aqwa setturi tas-saħħa fid-dinja u li tibda minn bażi bħal dan hija vantaġġ kbira ħafna.”
Lisa Cassar Shaw, sid ta’ negozju fil-qasam turistiku, irringrazzjat lil dan il-Gvern li fix-xhur ta’ pandemija kien ta’ spalla b’bosta skemi finanzjarji.
Tkellmet ukoll Dr Janice Formosa Pace, lettur fl-Universit ta’ Malta li tispeċjalizza fil-kriminoloġija, u nnutat kif fl-aħħar snin naqset b’mod drastiku l-Kriminalita f’pajjiżna.
Spjegat, “Jekk naraw ir-reati kollha mill-2008 l’hawn, 40% tal-vittmi huma nisa li l-biċċ l-kbira tagħhom huma bejn l-20 u 39 sena u huma vittmi ta’ reati partikolari – offiżi sesswali, vjolenza domestika, vjolenza u theddid kif ukoll pornografija.”
Mil-qasam tal-arti u kultura tkellmet il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulutrali għall-Belt Valletta Catherine Tabone, li semmiet kif dan il-Gvern għaraf l-importanza ta’ dan il-qasam biex tissaħħaħ l-ekonomija.
Il-Kap Assistent ta’ Skola Mirana Agius Silvio saħqet kif il-fatt li l-għalliema tlaqqmu kontra l-covid-19, fisser aktar serħan il-moħħ għall-ġenituri tal-istudenti.
L-Avukat Stephanie Bonello li tispeċjalizza fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali nnutat ir-riforma tal-Gvern f’pandemija biex tindirizza l-problemi tal-kera ta’ qabel l-elf disgħa mija u ħamsa u disgħin.
Għamlu interventi wkoll l-President ta’ Nisa Laburisti Nikita Zammit Alamango, il-Kummissarju Ewropew Helena Dalli u l-avukat Jonathan Attard li ħadem fit-tim tekniku li fassal il-mekkaniżmu dwar rappreżentanza ugwali fil-Parlament.