Kevin Zammit t’44 sena mill-Pietà ngħata s-sentenza ta’ ħdax –il xahar ħabs u multa ta’ €900. Dan wara li nstab ħati li f’Diċembru tal-2009 xtara d-droga lil ħuħ li kien residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Biex għamel dan għal sitt xhur sħaħ, involva wkoll infermiera li kienet taħdem il-ħabs, biex din tgħaddiha lil ħuħ. Ta’ dan huwa kien iħallasha €50 kull darba.
Zammit xehed li ħuh kien jibgħatu l-flus għad-droga ma’ persuni li ma kienx ikun jafhom, u kien jixtri żewġ jew tliet grammi eroina kull darba.
Il-każ kien ħareġ fil-beraħ meta f’Diċembru tal-2009, il-Pulizija kienet sabet ammont konsiderevoli ta’ droga fuq l-infermiera inkwistjoni, li kienet intbagħtet tmintax –il xahar ħabs b’rabta ma’ dan il-każ.