Kien hemm żbalji fil-mini-budget li kienu ppreżentaw il-Prim Ministru tar-Renju Unit Liz Truss u Kwasi Kwarteng.
Qal dan il-Ministru għall-Finanzi l-ġdid tar-Renju Unit, Jeremy Hunt, f’intervista li kellu dalgħodu mal-kamra tal-aħbarijiet ta’ Sky.
Hunt inħatar Ministru ilbieraħ, siegħa wara r-riżenja ta’ Kwasi Kwarteng. Tal-aħħar tkeċċa minn ministru responsabbli mill-finanzi wara biss 38 jum.
Intant, meta kien mistoqsi jekk hux se tirritorna l-awsterità fir-Renju Unit, huwa wieġeb li l-Gvern Brittaniku se jkollu jieħu deċiżjonijiet ibsin kemm fuq l-infiq u anke dwar it-taxxa, madanakollu qal li mhux se jkun hemm l-awsterità li esperjenza r-Renju Unit fl-2010.
Minkejja li bosta membri parlamentari tal-Partit Konservattiv laqgħu l-ħatra l-ġdida u ddiskrevew lil Hunt bħala persuna esperjenzat, uħud staqsew għala kellu jkun Kwarteng li jħallas il-prezz, meta hu kien qed isegwi d-direzzjoni tal-Prim Ministru Truss.
F’konferenza tal-aħbarijiet, li kellha tisejjaħ b’urġenza, Truss ċaħdet l-allegazzjonijiet dwar talbiet biex tirreżenja. Il-Prim Ministru Brittanika qalet li hija tinsab determinata li twettaq dak li kienet wegħdet waqt il-kampanja sabiex tilħaq il-mexxej tat-Tory.