Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fuq il-mejda tan-negozjati mal-MUT dwar ftehim għal-letturi tal-MCAST hemm somma li tiżboq aktar minn dik li kienet offruta diġà inizjalment li kienet tammonta għal €35 miljun.
Il-Prim Ministru Robert Abela żvela dan waqt il-programm Popolin fuq ix-xandir nazzjonali fejn wieġeb il-mistoqsijiet mhux biss tal-preżentatur iżda ta’ nies fl-udjenza.
Spjega li verament issa qegħdin f’fażi importanti li jingħalaq il-ftehim kollettiv għall-edukaturi fl-MCAST b’żidiet b’saħħithom li huma aktar minn dak li kien hemm diġà b’mod b’saħħtu fl-aħħar xhur.
Żied jgħid li hemm test ta’ ftehim li fuqu l-partijiet qorbu ħafna.
Qal li b’dan il-ftehim, l-edukaturi jieħdu l-aqwa żidiet u kundizzjonijiet kif il-Gvern diġà għamel mal-edukaturi fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja u għen ukoll l-iskejjel privati.
Spjega li mhux sew li l-istudenti jispiċċaw vittmi ta’ azzjonijiet industrijali, li issa anki l-unjin irtirat.
F’intervista li mmarkat tliet snin ta’ Gvern immexxi minn Robert Abela wara l-akbar mandat elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana, il-Prim Ministru tkellem dwar teħid ta’ deċiżjonijiet fosthom dik meħuda fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid fejn daħlet ir-riforma fil-liġi tal-IVF biex aktar persuni jsiru ġenituri f’pajjiżna stess.
Semma wkoll id-deċiżjoni taż-żidiet taċ-Children’s Allowance fejn il-Gvern wiegħed żieda ta’ €90 għal kull wild fis-sena fuq medda ta’ ħames snin iżda sat-tielet sena, il-Gvern diġà wettaq iżjed minn dak li wettaq billi f’dan il-Budget għal din is-sena u tas-sena l-oħra, il-Gvern ta’ żieda ta’ €250 għal kull tifel u tifla.
Tkellem ukoll dwar il-fatt li f’dawn it-tliet snin, il-Gvern laħaq patt soċjali ieħor u żid il-Paga Minima Nazzjonali.
Dan apparti l-inizjattiva Stabbiltà li indirizzat fil-laħam il-ħaj l-isfida tal-inflazzjoni, fosthom fuq prodotti essenzjali.