L-eks Ministru Nazzjonalista, il-Perit Michael Falzon kompla jinnota u jitkellem fuq il-firda fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li baqgħet tippersisiti anki waqt kampanja elettorali fejn il-poplu qed jiġi mitlub jagħżel lil minn jixtieq immexxih għall-ħames snin li ġejjin.
Il-Perit Falzon qal li l-irtirar f’daqqa tat-tliet deputati Mario Galea, Clyde Puli u Kristy Debono, hija mossa li qatt ma ra bħalha.
Żied jgħid li kien hemm min ma ridhomx joħorġu għall-elezzjoni ġenerali, b’implikazzjoni ċara li l-establishment Nazzjonalista, li jiġbed l-ispag lil Bernard Grech, ma riedx lil Puli, Galea u Debono jkunu kandidati.
“Jien dawn it-tlieta, li qed titkellem dwarhom kien hemm min fil-partit li ma riedx joħroġ għal skopijiet għall-kontroll tal-partit.”
Fuq id-deputat Claudio Grech, il-Perit Falzon qal li hu kien iltaqa’ miegħu u kien jidher ħerqan biex tibda l-kampanja elettorali.
Falzon kompla jgħid li fil-laqgħa tiegħu, Grech qatt ma tah x’jifhem li kien ser jirtira l-kandidatura tiegħu.
L-eks Ministru Nazzjonalista qal li lil Grech, l-establishment tal-Partit Nazzjonalista għamilielu diffiċli ferm biex ikun jista’ jerġa’ jsib postu fil-Parlament.
“Kien hemm manuvri interni biex itellfuh il-voti mid-distrett minn fejn jitla.”
Waqt il-programm tkellem ukoll l-opinjonista Charlon Gouder fejn tkellem fuq it-tluq tad-deputat Mario Galea, li rtira l-kandidatura tiegħu wara li mal-midja indipendenti qal li nies qrib it-tmexxija ta’ Bernard Grech għamlulu ħajtu infern u għajruh bis-saħħa mentali.
“Id-dikjarazzjoni ta’ Mario Galea, li qal li għamlulu ħajtu miżerja u li saħansitra beda jippjana l-kampanja elettorali tiegħu iżda kellu jieqaf għax kien attakkat fuq kwistjonijiet personali, ta’ saħħa mentali, din għalija ħaqqha kull kundanna.”