Kien hemm bżonn ta’ intervent tal-istat għal bidla fil-mentalità.
Dan sostnietu l-Antropoloġista Rachel Scicluna f’intervent li għamlet il-Ħadd filgħodu waqt l-intervista mal-Prim Ministru, fejn tkellmet dwar il-liġi li għaddiet mill-Parlament din il-ġimgħa, għal rappreżentenza iżjed ugwali bejn is-sessi.
Hija stqarret: “Għalhekk nemmen li ħafna drabi mingħajr intervent statali, il-ħsieb li aħna mdorrijjn bih, ta’ kif naħsbu u ngħixu ma jiċċaqlaqx.”
L-esperta tal-atteġġjament tal-bniedem kompliet tispjega li biex pajjiż jidra riforma, ikollu bżonn li tinħoloq realtà alternattiva.
Hija sostniet: “Ma ninsewx li biex tirriforma pajjiż trid tibda billi tiżra u tindokra biex toħloq dik ir-realtà alternattiva li aħna n-nisa nixtiequ nimxu ’l bogħod mis-sistema patrijarkali.”
Waqt l-istess intervista mal-Prim Ministru, tkellem ukoll l-opinjonista Desmond Zammit Marmara, li faħħar ir-riformi li saru fil-qasam tal-ġustizzja u l-Governanza.
Huwa qal, “Irridu niftakru wkoll li dawn huma sistemi li writniehom mill-Indipendenza. Dawn mhux sistemi li ħoloqhom il-Gvern imma ilhom magħna kemm ilna indipendenti. Naħseb li kienet importanti għax hawn jidħol il-qofol tad-demokrazija fejn jimfatam l-eżekuttiv minn mal-ġudikatura.”
Zammit Marmara kellu kliem ta’ tifħir lejn l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Huwa tenna: “Anki l-fatt li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu b’mod indipendenti u effiċjenti.”
Irrimarka li l-Pulizija qed taħdem b’mod għaqli u qed tieħu l-ħin tagħha biex tinvestiga l-każijiet.
Hawnhekk semma l-każ tal-qtil tal-ġurnalist li nqatel b’numru ta’ tiri fl-Islovakkja. F’dan il-każ, il-Pulizija Slovakka għaġġlet billi arrestat u ressqet l-allegat mandant li spiċċa liberat minħabba nuqqas ta’ provi ftit taż-żmien biss wara.