“Minn dejjem kien tifel gustuż, ferrieħi u sempliċi.”
Dan saħqu t-tabib Dr Victor Calvagna, it-tabib li fejjaq lil Ramiro Mallia mill-kanċer.
Ramiro Mallia huwa ż-żagħżugħ ta’ 19-il sena li miet wara ħruġ ta’ gass minn heater f’dar f’Ħal Qormi.
Il-każ seħħ it-Tlieta waranofsinhar, hekk kif il-ġuvni ntilef minn sensih u ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku iżda sfortunament tilef ħajtu ftit tal-ħin wara fl-Isptar Mater Dei.
Ma’ ONE News, Dr Victor Calvagna, li huwa wieħed mill-fundaturi ta’ Puttinu Cares irrakkonta li meta Ramiro kważi kellu tliet snin kien qed jiġġieled kontra l-marda tal-kanċer tal-leukemia, li rnexxielu jegħleb.
Huwa qalilna, “Tifel li ma tantx kien iħabbatna sabiex jieħdu t-trattament u rrisponda tajjeb, għamel iż-żmien tiegħu u jieħu t-trattament għamel xi sentejn, tliet snin u mbagħad irrisponda tajjeb u kompla l-ħajja tiegħu normali kif ikomplu ħafna mit-tfal li jkollhom il-kanċer.”
Dr Calvagna qal kif il-qraba ta’ Ramiro, fosthom ommu u missieru għenu lil Puttinu Cares u huwa segwa l-passi tagħhom.
Huwa beda: “U meta beda jikber beda jieħu sehem hu wkoll u jgħin hu wkoll, u anke ħa l-inizjattiva biex jagħmel fundraising, hu wkoll, mhux għal Puttinu biss imma għall-organizzazzjonijiet oħrajn.”
Dr Calvagna semma kif xi ħaġa li laqtitu min Ramiro kien meta f’għeluq sninu, fl-aħħar ta’ Diċembru qabżu f’baħar iffriżat sabiex jiġbru l-flus għall-għaqdiet volontarji, fosthom Puttinu Cares.
Semma wkoll kif bħalissa, Ramiro kien qed ibiegħ il-figolli sabiex mill-flus li jaqla’ jmorru għall-Puttinu Cares.
Fil-fatt din kienet l-aħħar kitba li għamel fuq Facebook fejn sal-aħħar, Ramiro baqa’ jfittex li jgħin lil ħaddieħor.
Huwa sostna: “Issa waqt l-Għid kien ukoll diġà qiegħed jagħmel pjannijiet biex ibigħ il-figolli u jiġbor għall-Puttinu Cares. So dawn huma affarijiet li juruk kemm hu kellu għal qalbu lil Puttinu Cares u kemm xtaq minn dejjem jgħin lil ħaddieħor.”
Fuq il-midja soċjali, kienu diversi persuni u għaqdiet li urew id-dieqa tagħhom għat-telfa sfortunata ta’ Ramiro. Fost dawn kien hemm l-għaqda Puttinu Cares, li qalet, “Min qatt kellu jgħidilna li wara li għelibt il-marda tal-kanċer meta kellek biss tliet snin, kellek tħallina hekk ħabta u sabta.”
Oħrajn qalu li s-smewwiet se jkun imħarsa minn anġlu ġdid.
Anġlu sod, altruwist u b’qalb tad-deheb bħal ħafna Maltin u Għawdxin, kif kien qalilna hu stess f’intervista riċenti.
Ramiro kien stqarr: “Dawn in-nies iħarsu lejn in-nies li jagħtuhom donazzjoni wkoll hija ħaġa kbira llum il-ġurnata u l-Maltin għandhom vera qalbhom kbira.”