Bħal lum 39 sena, żewġ tiri sparati fi Pjazza San Pietru xxukjaw lid-dinja. Dan hekk kif it-tiri sparati mill-arma f’idejn Ali Agca darbu serjament lil wieħed mill-iktar papiet maħbuba fl-istorja tal-Knisja, Papa Ġwanni Pawlu t-tieni.
Kienu il-5:00 ta’ filgħaxija tal-Erbgħa 13 ta’ Mejju 1981 meta l-Papa Ġwanni Pawlu t-tieni kien qed idur fi Pjazza San Pietru waqt l-udjenza Ġenerali, isellem lill-pubbliku li kien preżenti bi ħġaru biex jiltaqa’ mal-Papa Pollakk.
Ftit tal-ħin wara l-atmosfera ta’ ferħ u devozzjoni inbidlet f’biża’ u terrur hekk kif dawk preżenti raw lil Papa jaqa’ u ma jiċċaqlaqx għal ftit sekondi, u l-faxxa papali bajda ittebgħet bid-demm.
Il-Vatikanista Frank Zammit stqarr: “Il-Papa żewġ minuti qabel, kellu tifla Amerikana, xagħarha nnuklat isfar, deher jgħolliha u deher anke jbusha. Kif niżżilha minn hemm daqs żewġ minuti wara instemgħu żewġ tiri li tefgħuh fit-tarf tal-ħajja tiegħu.”
Mal-mument li fih ġew sparati t-tiri, l-ħamiem fi pjazza San Pietru taru, u l-popemobil dehret tinstaq b’saħħa sabiex l-papa ikun jista’ jitpoġġa f’ambulanza u jittieħed l-isptar. Dawk preżenti nfexxew jolfqu wara x-xena li kienu għadhom kif raw.
Il-Vatikanista, Frank Zammit spjega kif huwa kien żanzan l-ambulanza li ttieħed biha l-isptar u fatt kurjuż huwa li ġurnata qabel għadda madwar nofs siegħa jitlob f’dik l-istess ambulanza wara li berikha.
Huwa sostna: “Meta ħareġ il-Papa kien hemm min qallu “qiegħed tard għall-appuntament li jmissek, il-Papa dar fuqhom, u bi ħlewwa ma kkoreġihomx jiġifieri..qalilhom “ma nistax nitlob għall-ewwel pazjent li ħa juża din l-ambulanza. Qallhom “kont qed nitlob għalih.” L-għada seħħ l-attakk fi pjazza San Pietru ta’ Ali Agca, fuqu meta sparawlu żewġ tiri u kien l-istess papa l-ewwel pazjent li uża dik l-ambulanza li ħaditu mill-Istat tal-Vatikan għall-pPoliclinico Gemelli fejn għadda minn operazzjoni ta’ ħames sigħat.”
Zammit jispjega kif it-traġitt lejn l-isptar kien wieħed li sar f’diżordni sħiħa iżda li matulu t-twemmin tal-Papa fil-Providenza divina ma ħdietx.
Is-Sur Zammit kompla jispjega: “Il-Papa jgħidu li tul it-traġitt mill-Vatikan sal-Gemelli, beda jitlob u f’ħin minnhom dar lejn is-Segretarju tiegħu fejn qallu li hu kien diġà ħafer lill-aggressur tiegħu.”
Fl-isptar ‘Policlinico Gemelli’ il-Papa saritlu operazzjoni li damet madwar ħames sigħat. Il-balla kienet ħalliet ħsara kbira iżda l-Papa ma tilifx ħajtu. Fi kliemu huwa kien salvat minn Alla bl-intervent tal-Madonna ta’ Fatima li l-festa tagħha wkoll tiġi ċċelebrata fit-tlettax ta’ Mejju.