Kompliet tkun aktar ċara l-istampa ta’ meta seħħ l-omiċidju li fih tilef ħajtu Roderick Grech, li safa attakkat b’daqqiet ta’ mus.
Dan hekk kif ħarġu aktar fatti meta kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Etienne Bartolo ta’ sitta u tletin sena minn Birkirkara, li qed iwieġeb mhux ħati għall-akkuża t’omiċidju tal-ġuvni Karkariż nhar id-disgħa u għoxrin ta’ Marzu.
Fil-Qorti ħareġ kif raġel li kien għaddej mit-triq beda jagħfas fuq sider il-vittma bil-għan li jsalvalu ħajtu, imma kien kollu għalxejn.
L-inċident seħħ waqt allegat bejgħ ta’ drogi, meta l-akkużat ammetta mal-vittma – li allegatament kien jagħtih id-droga fuq bażi regolari, li ma kellux il-flus għad-droga li tah u qallu li kien se jħallsu l-għada. Iżda l-għada, qatt ma wasal.
Fil-Qorti nstemgħet ukoll ix-xhieda ta’ tliet uffiċjali tal-Pulizija li kienu fuq il-post tal-inċident. Ilkoll ikkonfermaw li meta sabuh, il-vittma kellu għajnejh kważi magħluqin u li ma qalx kelma meta kien mixħut fl-art f’għadira demm mitluf minn sensieh.