Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili sabet li raġel li kien ikkundannat ħames snin ħabs għal traffikar tad-droga kien diskriminat mill-Qorti Kostituzzjonali talli naqset milli titrattah bl-istess mod u manjiera li kienet trattat raġel ieħor li kellu każ simili.
L-Imħallef Toni Abela sostna li d-drittijiet ta’ Christopher Bartolo kienu miksura meta ġie miċħud d-dritt biex il-każ kriminali tiegħu jinstema’ mill-Qorti tad-Droga.
Bartolo, li huwa wkoll pazjent tat-trapjant tal-kliewi ilu għal dawn l-aħħar tmien snin tiela’ u nieżel il-Qorti wara sejba ta’ 167 gramma reżina tal-kannabis fid-dar tiegħu f’Għawdex.
Il-Prim Awla ddikjarat li l-unika ħaġa li ddeterminat jekk il-każ kellux jinstema’ quddiem il-Qorti tad-Droga kien l-ammont ta’ drogi nvoluti fil-każ, li kienet diskriminatorja.
Dan filwaqt Bartolo kien interrogat mill-pulizija minkejja li kien għadu kif irritorna d-dar wara trattament ta’ rutina fejn kien ammetta għat-traffikar mingħajr ma kien fil-preżenza ta’ avukat.
L-imħallef Abela sostna li Bartolo kellu jingħata l-istess rimedji li kien ingħata, Brian Vella, li kellu każ simili u kważi identiku għal dak ta’ Bartolo.
Apparti hekk, l-imħallfin li ppresedew il-każijiet ta’ Brian Vella u Christopher Bartolo kienu l-istess iżda l-eżitu tal-każijiet kienu differenti.
Fis-sentenza tiegħu l-Imħallef qal li d-dritt ta’ smigħ xieraq kien miksur meta l-istqarrijiet tiegħu ma kienux iddikjarati inammissibbli. Hu sofra diskriminazzjoni wkoll meta ngħata rimedju differenti minn Brian Vella.
Fi Frar tal-2018, Bartolo ħareġ mill-ħabs waqt li kien qed jirċievi trattament fil-kliewi u wara li l-President ta’ dak iż-żmien, Marie-Louise Coleiro Preca mxiet fuq il-parir tal-kabinett biex Bartolo jinħeles għal raġunijiet umanitarji.