Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista, Frank Portelli, qal fuq Net Television li sar stħarriġ fl-aħħar jumejn li juri li kieku issir elezzjoni llum il-Partit Nazzjonalista jitlef b’50,000 vot. “Mit-3 ta’ Ġunju tlifna 15,000 vot ieħor,” qal Portelli lill-preżentatur f’kumment li avżah li se jixxokjah.
“Ara kemm għidna lill-oħrajn li deħlin ġol-ħajt aħna deħlin fil-ħajt,” qal Portelli li tkellem kif iridu jinbidlu l-affarijiet. “Ilbieraħ ħarġet stqarrija kontra Imħallef, l-Imħallef Mizzi. Imħallef serju,” qal Frank Portelli li tenna anke kif mexa hawn Simon Busuttil għamel ħażin. Stqarr li Simon Busuttil messu mar il-Qorti u mhux jgħid li l-Imħallef Mizzi se jaqta’ s-sentenza kontra l-Partit Nazzjonalista. “Qed nattakkaw Imħallef u l-istituzzjoni tal-ġustizzja mingħajr bażi,” qal Portelli fost ħafna dikjarazzjonijiet iebsa oħra.