Kieku ma kienx hemm is-sussidju fil-prezzijiet tal-enerġija, kieku l-prezzijiet kienu jgħollew ħafna iktar.
Dan sostnih id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, Joseph Farrugia, fl-ewwel kummenti tiegħu b’rabta mal-Baġit.
Farrugia qal li kieku l-Gvern ma ħabbarx l-allokazzjoni ta’ €350 miljun favur aktar sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija, l-inflazzjoni kienet tisplodi u żieda ta’ kumpens għall-għoli tal-ħajja kienet tirdoppja.
L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem faħħret ukoll il-miżura b’rabta mal-penzjonijiet, liema miżura se tara aktar ħaddiema esperjanzati fis-suq tax-xogħol.
Din se twassal ukoll għal tnaqqis fid-dipendenza fuq il-ħaddiema barranin.
Farrugia laqa’ wkoll iż-żieda fl-istipendji u sostna li dan huwa inċentiv tajjeb biex iktar studenti jistudjaw.
Huwa qal li Malta għanda vantaġġ li pajjiżna għandu Università li hija b’xejn u l-istudenti huma inċentivati biex ikomplu jistudjaw permezz tal-istipendju.