Il-ħmistax t’Awwissu tal-elf disa’ mija u tnejn u erbgħin; tmenin sena ilu.
Wara żmien twil ta’ qtigħ il-qalb bi ftit ikel, eluf li spiċċaw bla saqaf fuq rashom u oħrajn li tilfu lil qrabhom fl-attakki qalila mill-Ġermaniżi u t-Taljani, daħal il-bastiment SS Ohio fil-Port il-Kbir.
Dwar dan il-mument importanti fl-istorja ta’ pajjiżna, din il-kamra tal-aħbarijiet tkellmet mal-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Wirt Artna u l-istoriku, Mario Farrugia, li ddeskriva l-Konvoj ta’ Santa Marija bħala wieħed mill-aqwa ġrajjiet fl-istorja ta’ Malta.
Qal, “Li kieku ma daħalx dak il-konvoj, kieku Malta kienet tkun kostretta li ċċedi. L-ikel kien kważi spiċċa, il-fjuwil kien kważi spiċċa, il-munizzjon kien kważi spiċċa. Jiġifieri ftit kien għad fadal wieħed x’jagħmel biex ikompli jirreżisti.”
Farrugia spjega kif dan il-Konvoj għen lill-Ingliżi li kienu qed jiġġieldu fir-reġjun dak iż-żmien biex żiedu l-offensiva tagħhom.
Dan wassal għall-waqgħa tal-front tal-Assi fl-Afrika ta’ Fuq u l-invażjoni ta’ Sqallija, sena wara.
Qal, “Għal Maltin fisser is-salvazzjoni. Nies li kienu ilhom ma jieklu, f’salt wieħed raw il-mirage tal-ikel u hekk kien, ma kinux ħafna. Jiġifieri b’dan il-konvoj ma spiċċax kulħadd b’żaqqu mimlija, imma għall-inqas setgħu jitrejqu.”
L-istoriku spjega li biex wasal dan il-konvoj mietu mijiet ta’ persuni li kienu qed jaħdmu fuq dan il-bastiment.
Qal, “Sabiex twassal dak il-konvoj hawn Malta mietu bejn wieħed u ieħor, 350 u 550 ruħ illi kienu qed jimmanjaw il-bosta bastimenti tal-merkanzija u ħafna aktar navali għax dan kien l-iktar konvoj difiż fl-istorja. Qatt ma kien hemm konvoj li kellu protezzjoni daqshekk navali daqs dan.”
F’dan il-jum, Lorenzo Attard ħa r-riskju li jdaħħal dan il-bastiment nofsu mgħarraq fil-Port il-Kbir, wara diversi attakki.
Qal, “Tilfu ħajjithom sabiex missirijietna ta’ dakinhar isalvaw u naturalment permezz tagħhom, illum ninsabu aħna llum għandna l-istandard of living li għandna llum.”
Dakinhar tad-dħul tal-konvoj ta’ Santa Marija, il-Maltin marru jsellmu l-bastimenti deħlin fil-Port il-Kbir fl-isfond tal-kant u d-daqq tar-Rule Britannia.
Malta kienet fit-tarf li ċċedi iżda din il-wasla ssarrfet f’tama u kuraġġ.