It-traġedja hi, li kieku s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tlaqqmet kontra l-COVID-19 minnufih, l-istess persuni li attakkawha inġustament fil-gazzetti kienu jakkużawha li ħadet vantaġġ mill-pożizzjoni tagħha.
Hekk qal l-editorjal tal-Ġimgħa ta’ The Malta Independent, li nnota b’sodisfazzjon ukoll li lanqas id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, jew uffiċjal għoli f’Malta ma ħa vantaġġ mill-pożizzjoni tiegħu u tlaqqam kontra l-virus minnufih, kif fil-fatt ġara anke fl-Italja.
L-editorjal fil-fatt ikkritika l-artiklu inġust tas-sieħba tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, li f’The Sunday Times kienet kitbet fost l-oħrajn li kien ikun aħjar kieku l-Professur Gauci qed tixrob ix-xampanja u ħalliet il-pandemija f’idejn ħaddieħor. Hawn ġie nnotat kif meta ġimgħa wara, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tlaqqmet meta kien imissha, hi, l-istess nies viċin Kristina Chetcuti attakkaw lill-midja talli rapportaw dan, għaliex skont huma ma kinitx aħbar.
‘So when Gauci did not take the jab she is crucified, and when she does it’s not news. The mind boggles’, qalet l-Independent.
L-editorjal tal-Ġimgħa nnota wkoll li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne bagħat messaġġ b’saħħtu meta għażel li jieħu l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-COVID-19 mal-kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri. Dan wera ċar kemm hu kruċjali li kulħadd jitlaqqam u kemm l-għaqda hija għodda importanti.