“Kieku kont naf, kont ngħidlek kemm napprezzak u kemm int tifel sew, u aktar minn hekk, kemm inħossni grat li nafek. Kemm konna nidħqu flimkien, dejjem b’xi praspura. Lanqas nista’ nemmen din l-aħbar.”
Dawn kienu ftit mill-messaġġi li tħallew fuq il-profil tal-paġna tal-Facebook tal-Pulizija PC1205, Jonathan Zahra, li kien stazzjonat il-lock-up, hekk kif ilbieraħ tħabbret il-mewt tiegħu.
Kienu biss kliem ta’ tifħir u dispjaċir għall-mewt ta’ Jonathan Zahra li fl-età ta’ 42 sena kellu jħalli d-dinja ħabta u sabta.
L-Ispettur u President tal-Police Officers’ Union esprima d-dispjaċir tiegħu fejn f’messaġġ li kiteb fuq is-sit soċjali Facebook qal “Għadni maħsud bid-dmugħ f’għajnejja bil-mewt tal-membru tagħna PC1205 Jonathan Zahra. Ċempilli jumejn ilu għax ħarġulu crime minħabba li ma ħallasx il-kontribuzzjoni, iżda ma kienx ħallas ghax kien l-isptar u qalli “Sir please għini”. Għidtlu tinkwieta xejn ħalli f’idi. Dam jirringrazzjani bħal ma’ dejjem kien jagħmel.
Daħal membru magħna l-POU-GWU mill-ewwel kif twaqqafna u kien tifel kwiet u tal-affari tiegħu.
Joqgħod ftit il-bogħod minni, Santa Lucija stess. Kien ghadu zghir 42 sena biss. Il-Mulej jagħtik il-mistrieħ ta’ dejjem għaziz kollega. Grazzi tas-servizz li tajt lil pajjiżek. Sakemm nergħu niltaqaw, insellimlek ħabib u kollega.”