Ħoll xagħrek u ġib iż-żejt kieku kien ħaddieħor.
Dan kien kliem il-ġurnalist t’esperjenza Saviour Balzan dwar dak li ġie żvelat dwar il-kumpanija Allied Newspapers tat-Times.
Dan primarjament wara li ġie rappurtat li din il-kumpanija setgħet iffrodat lil Malta Enterprise mat-tliet kwarti ta’ miljun ewro.
Fuq il-programm Pjazza mxandar fuq ONE, Saviour Balzan innota kif it-Times għażlet li żżomm kollox mistur minn għajnejn il-ġustizzja wara li l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello kien tqabbad mit-Times biex jagħmel rapport ta’ inkjesta interna li baxx baxx potenzjalment wassal għar-riżenji ta’ Vincent Buhagiar u Adrian Hillman minn Diretturi Maniġerjali.
Huwa qal li t-Times dan żgur ma kinitx tippermettieh jew taċċettah kieku l-istess skandlu sar minn ħaddieħor.
Innota kif il-Knisja tirrapporta membri tal-Kleru li jiġu akkużati b’abbuż sesswali, iżda dan l-istandard ma japplikax għat-Times.
L-aħbar li l-kumpanija tat-Times setgħet frodat somma ġmielha lil Malta Enterprise ġiet żvelata wara li Vincent Buhagiar, eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers tressaq il-Qorti mixli b’akkużi relatati ma’ ħasil ta’ flus, frodi u li għamel dikjarazzjonijiet foloz.
L-eks Direttur Maniġerjali Adrian Hillman ukoll mistenni jiġi estradit lejn pajjiżna biex jkun mixli b’akkużi simili.
Balzan fakkar ukoll kif id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco huwa l-istess bniedem li kien Avukat ta’ kumpaniji kbar li naqas milli juri l-involviment tiegħu fihom.
Huwa kompla jgħid kif de Marco wkoll ibbenefika minn dawn il-kumpaniji u kellu wkoll poter fl-għażla tad-diretturi.
Huwa tenna kif sempliċiment mhux aċċettabbli li llum tat-Times toħroġ stqarrija tgħid li hija xxukjata bir-rivelazzjonijiet.
Dan għaliex dan l-iskandlu kien diġà nkixef permezz ta’ inkjesta interna li l-eżitu tagħha nżamm mistur sal-lum il-ġurnata.
Saviour Balzan spjega kif it-Times ġmielha titkellem fuq ċertu kwistjonijiet iżda innota kif f’mumenti oħra konvenjentament għażlet li tibqa’ siekta.
Innota kif Allied Newspapers qed tgħid li qatt ma ndaħlet fil-linja editorjali tat-Times iżda Balzan innota kif ħadd ma jista’ jbellagħha li s-sid ta’ gazzetta ma jkollux vuċi dwar x’jixtieq jara u ma jarax fil-gazzetta tiegħu stess.
Qal li hu m’għandux għalfejn isemmi affarijiet li fuqhoma it-Times baqgħet siekta u għalhekk qal li din hija telfa wkoll għall-midja li tpinġi lilha nnifisha bħala waħda ħielsa.