Karin Grech twieldet fl-1962. Kienet bint il-Professur Edwin Grech u martu Pearl. Ħajjitha ntemmet ħesrem meta nqatlet fl-età ta’ 15-il sena, kawża ta’ splużjoni li seħħet minn pakkett bomba mgeżwer f’karti tal-Milied. Dan intbagħat fid-dar tal-ġenituri tagħha f’San Ġwann nhar it-28 ta’ Diċembru 1977.
Fil-preżenza ta’ ħuha Kevin, li dak iż-żmien kien għad kellu għaxar snin, Karin kienet fetħet il-pakkett li kien indirizzat lil missierha, li ħasbitu xi rigal. Hija mietet nofs siegħa wara fl-Isptar San Luqa, kawża tal-ġrieħi li ġarrbet minħabba ħruq f’diversi partijiet ta’ ġisimha. Fil-quddiesa tal-Funeral, l-Arċisqof Mikiel Gonzi kien sejjaħ il-qtil ta’ Karin Grech “l-ewwel att terroristiku fil-pajjiż”.
Il-Kwistjoni tat-Tobba
F’Awwissu 1977, il-Professur Edwin Grech kien qiegħed jagħti s-servizzi tiegħu fir-Renju Unit, meta f’Malta kienet għaddejja kwistjoni industrijali bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni Maltija tat-Tobba, il-MAM. Il-Gvern Malti talab lill-Professur Grech jirritorna Malta biex ikompli jagħti s-servizzi tiegħu bħala Konsulent u Kap tad-Dipartiment tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija fl-Isptar San Luqa.
Il-Professur aċċetta li jinżel Malta u jkompli bis-servizzi tiegħu sakemm tintemm it-tilwima industrijali. Ġara li l-kwistjoni industrijali twalet aktar milli qatt kien maħsub, tant li l-Professur kien għadu f’pajjiżna meta seħħet it-traġedja fid-dar tiegħu, fit-28 ta’ Diċembru, 1977.
Minkejja li għaddew ħafna snin, il-każ għadu u mhux solvut u għadu mhux stabbilit min wettaq id-delitt. Sadanittant, fl-aħħar ta’ Novembru 2010, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ordnat lill-Prim Ministru, bħala l-Kap tal-Gvern Malti, biex jagħti s-somma ta’ €419,287 lill-Professur Edwin Grech u lill-familja tiegħu bħala kumpens għall-qtil politiku ta’ Karin.
Fil-kummenti tiegħu għal din l-aħbar, il-Professur Grech qal li din tiftaħlu ħafna bibien fl-investigazzjoni tiegħu biex jgħin lill-Pulizija tasal għall-qattiel jew qattiela. Fl-istess waqt, huwa wera diżappunt kbir għall-mod kif il-Pulizija investigat il-qtil ta’ bintu. L-Imħallef Raymond Pace, li ppresieda l-kawża, fisser in-nuqqas tal-Gvern milli jagħti kumpens għal dawn is-snin kollha bħala trattament diskriminatorju fuq bażi politika.
Il-Każ tat-Tabib Paul Chetcuti Caruana
Paul Chetcuti Caruana, tabib u Membru Parlamentari Laburista bejn l-1976 u l-1981, kien irċieva bil-posta bomba li ma ħaditx fl-istess jum u ħin li pakkett simili kien impustat lit-Tabib Edwin Grech u li kienet qatlet lil bintu Karin.
F’intervista li ta fl-2007, Chetcuti Caruana qal li skond ma qalulu l-esperti l-bomba tiegħu ma ħaditx għax kien hemm xi molol imsaddin. Stqarr ukoll li kien se jkun “vittma ta’ frame-up mill-Pulizija” fuq dan il-każ wara diversi xnihat li seta’ kien hu li għamel il-bomba.
Fil-Parlament, nhar id-19 ta’ Ġunju 1985, il-Kap tal-Oppożizzjoni Eddie Fenech Adami meta kien qiegħed iwieġeb għall-intervent tal-Ministru Laburista Alex Sciberras Trigona, kien qal: “Ngħidlek xi darba dwar Karin Grech, meta nkunu aħna fil-Gvern ngħidlek min, tikkonfondix. Nagħmlu l-investigazzjonijiet bis-serjetà u ngħidlek, mela le!” Wara l-bidla fil-Gvern fl-1987, il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami kien ta struzzjonijiet lill-Pulizija biex jagħtu prijorità lil numru ta’ każijiet fosthom il-każ ta’ Karin Grech, iżda tul is-snin qatt ma tressaq ħadd il-qorti fuq il-każ. F’intervista li Fenech Adami ta fl-2010 huwa qal li hu kien għamel dak kollu possibbli biex il-każ ikun solvut.
Fl-2009, il-Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li “l-qtil ta’ Karin Grech u l-qtil ta’ Raymond Caruana, kienu delitti li saru minħabba intolleranza politika. Din l-intolleranza hija marda kiefra li l-poplu Malti u Għawdxi għandu jibqa’ jikkumbatti. Lil hinn mill-politika partiġġjana, f’dawn id-delitti ma nxteridx demm blu jew aħmar, imma demm innoċenti.”
Fl-1981, il-Gvern Laburista bena sptar għat-tfal maġenb l-Isptar San Luqa fi Gwardamangia li semmieh Sptar Karin Grech.F’San Ġwann, hemm Ġnien Karin Grech, b’monument tagħha fih.
Ta’ kull sena, inkluż illum, fl-anniversarju tal-qtil tagħha, il-Partit Laburista itella’ programm ta’ tifkira f’ġieħha bil-preżenza tal-qraba tagħha.