Nhar il-Ġimgħa li ġej, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku jqatta’ lejl uniku fil-Palazz tal-Inkwiżitur, qalb tradizzjonijiet popolari marbuta mal-mewt, l-erwieħ u l-ħajja wara l-mewt. Heritage Malta qed toffri l-possibilità li wieħed jorqod f’ċella storika fil-ħabs tal-palazz matul il-lejl.
Waqt l-attività dawk li jattendu se jingħataw dawra esklussiva mal-palazz u jkunu jistgħu jaraw il-wirja ‘Dumnikani fil-Palazz’, b’tazza maħluta. Din hija xarba ħelwa-morra speċjali, li tfakkar it-tlugħ u l-inżul fil-ħajja.
Wara, wieħed jista’ jiskopri aktar dwar il-karità, il-mewt u d-drawwiet marbuta mal-Għid tal-Erwieħ fil-Prijorat tad-Dumnikani, b’aċċess għal inħawi u oġġetti kurjużi li normalment ma jkunux aċċessibbli għall-pubbliku.
Aktar tard kulħadd se jiġi servut ċena tematika, li tfakkar ir-riti funerarji, il-borma u l-ħanżira tal-Erwieħ, bi spjega minn Ġużi Gatt li se jelabora fuq is-sinifikat tagħhom. Fl-aħħar nett, kull min iħossu kuraġġuż biżżejjed jista’ jorqod fiċ-ċelel tal-ħabs li jmorru lura għas-seklu sbatax, jew fi spazji storiċi oħra fil-Palazz tal-Inkwiżitur.
Din l-attività ser issir bil-Malti u tibda fis-19:00.
Il-biljetti jistgħu jinkisbu mis-siti u l-mużewijiet kollha, jew fuq is-sit elettroniku ta’ Heritage Malta.