Filwaqt li fil-pajjiżi tal-madwar qed jiġri minn kollox, minn attakki mdemmija sa kolp ta’ stat, in-nies ta’ Londra jistgħu jirrilassaw. Mhux għax m’għandhomx inkwiet, għax Brexit ħabbel l-irjus bi kbir. Imma għax biex imorru jieklu m’għandhomx bżonn jaħsbu x’se jilbsu.
Almenu fir-restaurant Bunyadi, li għadu kemm fetaħ il-bibien tiegħu, bil-patt u l-kundizzjoni li min jidħol jista’ jiġri għarwien u ma jistax juża mezzi teknoloġiċi bħal mobiles. Kunċett li ntlaqa’ tajjeb ħafna – tant li malli fetaħ kellu lista ta’ stennija ta’ 46,000 persuna.
Ir-regoli huma dawn:
- Ebda teknoloġija (tablets, mobiles)
- Ebda ritratti ma jistgħu jittieħdu
- Malli tidħol, ituk huma biċċiet tad-drapp li tista’ tibqa’ bihom
- Hemm zona apposta għal min jixtieq ineħħi dawn il-biċċiet għal kollox
- Id-dawl f’din iz-zona huwa tax-xemgħa jew inkella bil-gass
- Kollox huwa magħmlu minn materjal organiku u naturali, anke l-platti li minnhom tiekol
F’intervista ma’ CNN (liebes il-ħwejjeġ) wieħed mid-diretturi spjega li dan huwa esperiment soċjali, esperiment li jbiddel il-mod kif taħsibha s-soċjetà.
Kieku int tesperimenta?