Organizzat minn Master Noel Mercieca mit-Team Noel Club, bis-sehem ta’ aktar minn 150 student minn diversi klabbs lokali tal-kickboxing u K1, is-Sibt 6 t’April wara nofsinhar ġie fi tmiemu b’suċċess is-Seminar grandjuż organizzat ġewwa l-West Grand Hotel San Ġiljan.
Għat-tieni darba wara ħdax-il sena, bħala trainer ewlieni sabiex imexxi dan is-seminar, ġie mistieden il-kickboxer professjonali rtirat mill-Olanda Ernesto Hoost.
B’fama mondjali bħala erba’ darbiet Champion tad-Dinja tal-K-1, Hoost huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar kickboxers ta’ kull żmien. Bil-preżenza u l-ħiliet ta’ Ernesto Hoost kif ukoll ix-xogħol siewi tal-organizzazzjoni meta
mqabbel ma’ seminars oħra fil-passat, dan is-seminar kien fuq skala ogħla fejn l-istudenti kellhom il-possibbiltà li jitħarrġu f’żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ waħda filgħodu, kif ukoll oħra wara nofsinhar.
Waqt is-sessjonijiet ta’ taħriġ, wieħed ma setax ma jinnotax id-dettall li daħal fih it-trainer Ernesto Hoost meta beda juri tricks tattiċi lill-istudenti preżenti li bihom wassluh għassuċċess dinji.
Master Noel Mercieca esprima s-sodisfazzjon tiegħu għas-suċċess ta’ dan is-seminar. Kompla billi rringrazzja lil Ernesto Hoost innifsu talli aċċetta din l-istedina għat-tieni darba u ħalla l-marka tiegħu permezz tal-lezzjonijiet notevoli li qasam
mal-istudenti kollha. Huwa rrimarka li l-preżenza ta ‘ bosta atleti tgħin l-isports lokali tal-kickboxing sabiex jgħolli l-livell ta’ success.
Master Noel temm billi esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-klabbs kollha tal-kickboxing lokali u l-istudenti tagħhom għall-involviment f’dan is-seminar, li jagħtih il-fiduċja li jorganizza seminars ta’ dan il-kobor fil futur.