Il-kapitali Sudaniża, Khartoum, mill-ġdid reġgħet tinsab iddominata minn ġlied vjolenti, li temm il-perjodu qasir ta’ waqfien mill-ġlied li sar bil-għan li n-nies jitħallew jitilqu b’mod sigur.
Tul il-jum tal-Ħadd, il-belt theżżet b’attakki mill-ajru u bl-armi.
Il-perjodu ta’ waqfien mill-ġlied kellu jintemm il-Ħadd bil-lejl; li jfisser li miljuni ta’ nies għadhom maqbuda f’Khartoum, fejn il-provvista tal-ikel kulma jmur qed tonqos.
Il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar qal li wasal ajruplan bi tmien tunnellati ta’ provvisti t’għajnuna, inkluż tagħmir mediku għall-isptarijiet.
Aktar minn sebgħin fil-mija tal-faċilitajiet tas-saħħa f’Khartoum kienu kostretti jagħlqu, riżultat tal-ġlied li beda fil-ħmistax t’April.