F’artiklu fuq ix-Shift News, Kevin Cassar ħareġ jattakka lill-ġudikatura b’rabta ma’ sentenza, li ngħatat fl-appell fil-każ fejn numru ta’ persuni, inklużi kunsillieri u sindki, kienu ilhom is-snin akkużati b’miżapproprjazzjoni u frodi bl-użu ta’ fondi Ewropej.
Minkejja dan, huma ġew illiberati kemm fl-ewwel Qorti u anke issa wara appell li tressaq mill-Avukat Ġenerali.
Xi ħaġa li jidher urtat lil ħaten Beppe Fenech Adami mill-establishment Nazzjonalista, tant li, fl-artiklu tiegħu, wera diżrispett sħiħ lejn iż-żewġ deċiżjonijiet ġudizzjarji. Hu wkoll kien selettiv meta, mill-persuni kollha involuti, isemmi biss b’isimha lil Claudette Abela Baldacchino, li nzertat rappreżentanta u kandidata tal-Partit Laburista.
Il-bqija tal-persuni fil-kawża jinkludu wkoll lis-Sindku attwali Nazzjonalista f’San Lawrenz, Noel Formosa, u n-nominat il-ġdid ta’ Bernard Grech fuq il-Kummissjoni Elettorali, Ian Micallef.
Il-kawża inkwistjoni kienet bdiet 14-il sena ilu fejn seba’ persuni ġew akkużati li ffrodaw lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Gvern Malti.
Dak iż-żmien l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, l-OLAF, kien qal li seta’ kien hemm xi irregolaritajiet mid-delegazzjoni Maltija fit-talbiet għal ħlas lura fuq biljetti tal-ivvjaġġar għas-snin 2004-2007, f’somma li tlaħħaq madwar €96,000.
Iżda fil-Qorti, il-Maġistrat Josette Demicoli kienet ikkonkludiet li, mill-provi li tressqu, il-każ kien biss xeneġġjata u illiberat lill-akkużati fl-2021.
Peress li l-Avukat Ġenerali kien appella mis-sentenza, il-każ kompla jkarkar tliet snin oħra, iżda fl-aħħar jiem il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja, ukoll ikkonfermat l-ewwel sentenza u ħelset minn kull akkuża lil Claudette Abela Baldacchino, Michael Cohen, Noel Formosa, Ian Micallef, Doris Borg, Joe Borg u Alessandro Oreste mill-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali.
Iżda skont Kevin Cassar dan kien ħażin u, fl-artiklu tiegħu intitolat ‘Kif il-Qorti tilleġittima frodi’, qal li l-istituzzjonijiet ġudizzjarji qed jimxu b’ideat ambigwi u qed jimmanipulaw il-liġi kif jixtiequ huma.