Ħaten Beppe Fenech Adami u esponent tal-establishment Nazzjonalista, Kevin Cassar reġa’ fetħilha qatta’ bla ħabel fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista Għawdxi Alex Borg.
Din id-darba, f’artiklu t’opinjoni ppubblikat fil-ħarġa tal-Ħadd ta’ ‘The Malta Independent’, Cassar tkellem dwar dak li Borg qal fuq Forti Chambray.
Cassar silet id-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar Borg, li tgħid li dan tal-aħħar ma kienx leali mal-fatti. B’Cassar hawn jgħid li allura Alex Borg gideb.
Madanakollu, Cassar tkellem dwar dak li fi kliemu qiesu bħala arroganza. Dan għall-fatt li Borg ma weġibx lill-Kummissarju fil-ħin u li kieku kien se jagħlaq il-każ hemmhekk.
Cassar iżid jgħid li n-nuqqas ta’ rispett lejn istituzzjoni bħal din mhux biss tefa’ dell ikrah fuqu bħala Membru Parlamentari iżda fuq il-Partit Nazzjonalista kollu. Agħar minn hekk, Kevin Cassar jinnota li dan kollu huwa ferm aktar perikoluż meta Borg huwa bniedem li jaspira li jkun fil-poter u bl-aġir tiegħu juri li m’għandux rispett lejn l-istrutturi tad-demokrazija, minkejja dak li tant jiprietka l-Partit Nazzjonalista stess.