Għal darb oħra, l-kantant Malti Kevin Borg reġa’ kiseb suċċess ieħor bil-mużika tiegħu fil-Ġappun. Dan hekk kif il-mużika tiegħu reġgħet spiċċat fil-quċċata tal-klassifiċi mużikali fil-Ġappun. Dan permezz tal-kanzunetta Tsunagu li Kevin Borg kiteb u pproduċa għall-grupp mużikali Arashi.
Bil-grupp irnexxielu jbiegħ diġà 300,000 kopja ta’ din id-diska. Din mhix l-ewwel darba, anzi t-tmien darba li Kevin jinsab fil-quċċata tal-listi tad-diski popolari Ġappuniżi permezz tat-talent tiegħu fil-kitba tad-diski – b’kollox kważi biegħ miljun album.
Laħaq ukoll il-quċċata tal-lista Billboard bid-diska – din hija lista li tikklassifika l-aktar diski popolari fid-dinja. Dan fost oħrajn permezz tad-diska Sweat li tinsab fl-album Two of Us, li kiteb b’kollaborazzjoni ma’ kollegi internazzjonali.
Iżda s-suċċessi ma’ jiefqux hemm, dan hekk kif il-kantant Malti rnexxielu ukoll li din id-diska li tinsab fil-quċċata fil-Ġappun se tintuża’ ukoll għall-produzzjoni ta’ film.
Bir-reazzjoni tal-kantant tkun, “Ebda kliem ma jista’ jiddeskrivi kemm jien kuntent bħalissa.”