L-aħħar jiem tas-sena mistennija jkunu b’kesħa xxoqq il-għadam bil-possibilità li naraw anki xi ftit silġ nieżel fuq artna.
Wara t-temp pjuttost sħun iżda b’riħ qawwi fil-Milied, fl-aħħar jumejn tas-sena mistennija naraw it-temperaturi jinżlu iktar u saħansitra dawn jistgħu jinħassu anke sa żero grad celsius.
Mark Vella Gera li jamministra s-sit Malta Weather spjega li din il-kesħa li diġà bdiet taħkem lill-pajjiżna ġejja mit-Tramuntana tal-Ewropa, min-naħa tas-Siberja u li se tibqa’ nieżla ‘l isfel lejn iċ-ċentru tal-Mediterran.
“Din is-sena ħa tispiċċa fuq nota ksieħa, hekk kif ġej riħ mit-Tramuntana u jkun riħ kiesaħ u allura ħa jniżżel it-temperatura sew filkas taċ-ċentru tal-Mediterran u inkluż il-Gżejjer Maltin, titla’ matul il-ġurnata bejn ħdax u tnax-il grad biss u billejl tinżel madwar seba’ gradi. Biss minħabba r-riħ se tinħass daqs zero, jiġifieri dan għandna sal-aħħar tas-sena.” Stqarr Vella Gera.
Il-kesħa se tibqa’ tippersisti fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida, minkejja li t-temp se jibbnazza, bl-ogħla temperatura mistennija titla’ tlettax-il grad celcius u filgħaxija tinżel għal seba’ gradi celsius.
“Imbagħad fl-ewwel jum tas-sena d-dieħla ħa jkun xi ftit aħjar, fis-sens li t-temperatura tkun aħjar fis-sens li t-temperatura titla’ ftit u xorta waħda tibqa’ taħt in-normal.” Kompla jgħid.
Intant għalkemm bejn lejliet l-ewwel tas-sena u s-sena l-ġdida, it-temp mhux mistenni jħassar festi, fil-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta, ir-riħ mistenni jdur grigal.
“Wieħed tajjeb ukoll jgħid li minħabba r-riħ ħa jdur grigal, qed nistennew xi xita, jista’ jkun ukoll ikollna xi silġ irqiq jew silġ artab u anke forsi xi sajjetti jew maltempati qosra, dawn huma possibli wkoll.” Ikkonkluda jgħid Vella Gera.
Bosta sostnew li għalkemm ma konniex neqsin mix-xita, sa issa Malta għadha ma esperjenzatx xitwa kiefra u għalhekk dawk li jħobbu joqgħodu għall-irdoss u jitgeddsu mistennija jaraw dan it-temp bħal manna nieżla mis-sema’.