Minn tal-inqas seba’ persuni mietu fl-Istati Uniti f’diversi stati li jinsabu ddominati minn kesħa qattiela xxoqq il-għadam li qed tissejjaħ bħala polar vortex.
L-Istati Uniti qed tesperjenza rekord ta’ kesħa u borra, u l-kesħa f’ċertu stati hija iktar minn dik fl-Antarctica. It-temperaturi jlaħħqu taħt it-tletin grad celcius f’Chicago u taħt is-sebgħa u tletin grad celcius f’North Dakota.
Din il-mewġa ta’ kesħa qed taffettwa madwar mitejn u ħamsin miljun Amerikan, filwaqt li disgħin miljun oħra qed jesperjenzaw temperaturi ta’ taħt is-sbatax-il grad celcius.
Fuq Twitter, il-President Amerikan Donald Trump wissa lil dawk kollha fl-Istati Uniti biex jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa, u tefa’ botta ironika li hemm bżonn bidla fil-klima.