L-aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta lestiet il-proġett tal-breakwater, twil mija u għaxar metri, fil-Ponta tal-Qrejten.
B’investiment ta’ erba’ miljun ewro minn fondi Ewropej, dan il-proġett se jissarraf f’post ta’ kenn għall-Port ta’ Marsaxlokk u x-xtajtiet tal-madwar.
Is-sajjieda Xlukkajri kienu ilhom snin twal jitlobu breakwater ġdid biex filwaqt li jservi ta’ kenn għaż-żona ta’ ġewwa tal-port, inaqqas ukoll ir-riskji ta’ ħsarat li l-maltemp jikkawża lill-bastimenti u l-opri tal-baħar.
Il-bini tal-breakwater beda bit-tqegħid ta’ struttura f’qiegħ il-baħar madwar tliet metri u nofs taħt l-ilma, li b’kollox tinkludi massa ta’ kważi ħamest elef tunnellata ta’ konkos u azzar.
Fuq din l-istruttura, intużaw kważi elf tunnellata konkos oħra biex inbena ħajt għoli madwar tliet metri, u travu mad-dawra tax-xifer tal-istruttura.
Il-Perit tal-proġett Janice Borg spjegat li l-breakwater huwa mdawwar b’aktar minn tletin elf tunnellata blat kbir tal-qawwi.
Qalet kif, “Hawnhekk ma kien hawn xejn, tqatta’ xi blat, tpoġġew freecast elements, ingħata l-konkos u ntrabtu, u fl-aħħar fażi sar id-deck u għaddew is-servizzi. Fuq in-naħa ta’ barra hemm struttura biex tilqa’ għall-mewġ u ma jkunx rifless f’postijiet oħra fl-istess port u ġew installati l-pillars, il-lighthouse u ngħalaq il-proġett.”
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Ian Borg, qal li fir-raħal pittoresk ta’ Marsaxlokk, sinonimu mas-sajjieda, għaddejjin numru ta’ xogħlijiet u proġetti oħra biex jikkumplimentaw il-breakwater il-ġdid.
Spjega, “Bħalissa qed nistudjaw soluzzjonijiet anki biex ikun hemm breakwater ieħor in-naħa ta’ Dellimara. Jiena mhux biss sodisfatt bix-xogħlijiet imma nieħu pjaċir nara lis-Sindku, Kunsilliera, il-komunità Xlukkajra li kuntenta li l-Gvern qiegħed jaħdem għalihom bħalma qed nagħmlu anki fiż-żona tal-Magħluq permezz tal-GHRC u xogħlijiet oħra mill-Gvern ċentrali.”
Il-Ministru responsabbli mis-settur tas-Sajd, Anton Refalo, qal li dan il-proġett huwa pprova oħra li dan huwa Gvern għan-nies, fejn intlaqgħet karba oħra tas-sajjieda ta’ Marsaxlokk.
Qal li, “Aħna qegħdin nuru li l-Gvern, filwaqt li jrid biedja u sajd sostenibbli, qegħdin spalla ma’ spalla mas-sajjied, mal-bidwi, mar-raħħal, Għawdxi u Malti.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi fakkar kif waħda mill-miri tal-Fondi Ewropej hija proprju biex jiġi mgħejjun is-settur tas-sajd.
Qal, “Dan il-proġett infrastrutturali, apparti li huwa parti mill-infrastruttura tal-pajjiż, huwa mezz ukoll biex nagħtu aktar faċilitajiet lill-komunità tas-sajjieda hawnhekk f’Marsaxlokk, investiment li kien ilu ħafna mistenni u li issa għaliex għandna Gvern għan-nies, dan il-proġett twettaq ukoll.”