Kif kien imwiegħed f’Marzu, llum infetħet Dar Maria Dolores biex toffri kenn lil nisa vulnerabbli. Din id-dar kienet mogħtija bla kera lill-Fondazzjoni ta’ Maria Dolores, anzjana ta’ 92 sena filwaqt li r-rinovazzjoni tal-post sar mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetá soċjali.
Din id-dar se toffri kenn temporanju għal nisa u f’xi każijiet it-tfal tagħhom ukoll fl-ewwel mumenti li jsibu ruħhom bla dar għal diversi raġunijiet.
Il-Ministru Michael Farrugia spjega li l-ewwel xelter ta’ emerġenza f’Malta nfetaħ ftit xhur ilu hekk kif għall-ewwel darba l-Gvern, il-Knisja u s-Settur Privat waslu biex flimkien jaħdmu għal dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Huwa qal li Dar Papa Franġisku kienet l-ewwel xaqq ta’ tama, illum dik it-tama mibdija, se nkomplu nsaħħuha.
L-istess kif jiġri fix-xelter tal-irgiel, kull min jiġi biex jagħmel użu minn dan ix-xelter, isib sodda, ikel u showers u l-aktar important, staff imħarreġ li jagħtihom garanzija u gwida. Il-jum ta’ wara, l-utenti tas-servizz jiltaqgħu mas-Social Worker tad-Dar, isirilhom pjan ta’ kura u jiġu riferuti għas-servizzi li għandhom bżonn.
Il-Ministru stqarr li dan huwa biss l-ewwel pass fi vjaġġ. Jekk aħna tassew nixtiequ li jkollna soċjetà ġusta neħtieġu npoġġu l-ħiliet kollha tagħna flimkien, biex b’hekk niggwidaw, inħarrġu u nintegraw dawn in-nies biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.