It-temperaturi għoljin li qed jesperjenzaw il-gżejjer Maltin f’dawn il-jiem, ma qatgħux qalb bosta sabiex jilbsu l-malji u jaqsmu lejn il-gżira pittoreska u ċkejkna ta’ Kemmuna.
Sa ftit ilu, fix-xhur xitwin u ta’ pandemija, din il-gżira kienet iddominata minn skiet taqtgħu b’sikkina. Tisma’ biss it-tħaxwix tal-gremxul qalb il-ħaxix selvaġġ u l-ħoss tal-istanjata tal-kafe ġejja mill-kmajra ċkejkna ta’ Salvu ta’ Kemmuna.
Jiem wara li tajna merħba lill-istaġun sħun tas-sajf, ninsabu hawnhekk fil-gżira ta’ bejn il-gżejjer, dik ta’ Kemmuna fejn evidentament hawn bosta Maltin, Għawdxin u anke turisti li ddeċidew li jaqbdu l-lanċa ta’ Kemmuna sabiex iqattgħu ġurnata jilagħqu x-xemx u jlegilgu xi ħaġa friska fuq din il-gżira li bħalissa hawn jgħixu fuqha biss żewġ persuni, Salvu u Veggie.
Apparti l-għawm, ħafna jagħżlu li jkunu aktar avventurużi u jaqbdu t-triq biex jesploraw lil din il-gżira, fejn wieħed jista’ jitpaxxa wkoll bit-Torri ta’ Santa Marija, il-Kappella, l-iskola, il-Bajja ta’ San Niklaw u dik ta’ Santa Marija; bix-xeni sbieħ li joffri l-pajsaġġ ta’ Kemmuna.
Ħdejn il-bajja ċara kristall, meqjusa bħala waħda mill-aktar destinazzjonijiet turistiċi popolari f’pajjiżna, dik ta’ Bejn il-Kmiemen jew kif inhi magħrufa aħjar bħala Blue Lagoon, bosta turisti ddeskrivew lil Malta bħala pajjiż mill-isbaħ, u lill-Maltin u l-Għawdxin nies mill-aħjar.
F’Kemmuna ltqajna ma’ Victor Refalo, Għawdxi li ilu għal dawn l-aħħar ħamsin sena jarma l-gabbana biex ibigħ frott frisk jew xi ftira Maltija li tinżel għasel waqt ġurnata baħar.
Ma’ ONE News tkellem dwar l-andament ta’ Kemmuna bħalissa, u rreffera għall-proġett li sar mill-Ministeru għal Għawdex biex itejjeb l-aċċessibilità.
Qal, “Issa qisna qbadna t-triq u mexjin, m’aħniex 100% imma jiena naħseb ġa tlajna 75%. Il-proġett f’Kemmuna ġie tal-ġenn u nirringrazzja lil-Gvern għax dan veru qdiena.”
Intant, fi triqtna lura f’nofs ta’ baħar stajna ninnutaw wkoll l-irdum mill-isbaħ tal-franka u l-għerien storiċi li jdawwar il-kosta tal-gżira ta’ Kemmuna.