F’erba’ snin, il-Paga Minima Nazzjonali se tiżdied bejn tnax u tmintax-il ewro fil-ġimgħa, apparti l-COLA li tingħata lil kull ħaddiem kull sena.
Il-ftehim dwar il-Paga Minima Nazzjonali, li preżenti għalih kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, wasal wara xhur ta’ diskussjonijiet bejn l-imsieħba u l-awtoritajiet, immexxija mil-Low Wage Commission.
Bħalissa persuna b’paga minima ddaħħal €192.73 fil-ġimgħa u mis-sena d-dieħla, se tiżdied għal €200.73 fil-ġimgħa.
Dan ifisser li mill-bidu tas-sena d-dieħla, il-paga minima, bil-COLA inkluża se tkun ta’ €213.54.
Bħalissa min għandu paga li tvarja bejn €192.73 u €198.73 fil-ġimgħa, is-sena d-dieħla, il-paga tiegħu se tiżdied bejn żewġ ewro u tmien ewro fil-ġimgħa, apparti l-COLA. Dan biex iġġib l-ammont totali ta’ mitejn ewro u tlieta u sebgħin ċenteżmu, is-sena d-dieħla.
Fl-2025, il-paga minima nazzjonali se titla’ għal €203.73 u s-sena ta’ wara, din titla’ għal €206.73. Fl-2027, il-paga minima nazzjonali se titla’ għal €210.73. Dan l-ammont ma jinkludix iż-żieda tal-COLA, li titħabbar kull sena fil-baġit.
Ta’ min jinnota li fl-ewwel ftehim li sar għaż-żieda fil-paga minima nazzjonali fl-2017, wara li kienet ilha ma tiżdied għal sebgħa u għoxrin sena, bejn din is-sena msemmija u l-2019, kien hemm żieda ta’ €8 fil-paga minima nazzjonali.