Malta. L-infermiera tal-Mediterran tul l-Ewwel Gwerra Dinjija. L-istess gżira li bagħtiet il-bombi tal-Assi snin wara, tul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-11-il jum tal-11-il xahar ifakkar l-Armistizju, tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija. Tmiem dik li sa dak iż-żmien kienet l-iktar ġrajja mdemmija fl-istorja tal-bniedem. Tmiem snin ta’ tbatija, telf, ġuħ, mard, u mewt.
Din ma kinitx ir-realtà għal Malta fl-Ewwel Gwerra Dinjija. F’dawk is-snin, Malta ffjorixxiet bħala post ta’ santwarju u refuġju għal-midruba mill-fruntieri Ewropej. Kienet il-gżira ċkejkna li offriet servizzi tas-saħħa bla preċedent, tant, li saret magħrufa bħala ‘L-infermiera tal-Mediterran’.
U bir-raġun.
Malta nvestiet f’dan is-settur biex taqdi d-dmir tagħha bħala kolonja Ingliża ‘l bogħod mill-art meqruda mill-Gwerra. Kienet il-post ideali fejn wieħed jirkupra. Il-kampanji Gallipoli u Salonika ġabu ftit anqas minn 137,000 suldat biex jingħataw il-kura f’Malta.
Kull ġimgħa kienu jaslu mal-2,000 suldat midrub, u l-isptarijiet tagħna kienu jfejqu aktar minn 20,000 pazjent f’jum wieħed biss. Fl-aktar żmien bieżel, Malta kienet qed tmexxi 27 sptar militari, u mpjegat 334 uffiċjal mediku u 913-il infermiera, u pprovdiet 25,000 sodda lil dawk midruba.
Isem Malta baqa’ mnaqqax mal-bqija tad-dinja bħala dak tal-gżira ċkejkna u ambizzjuża, li biċ-ċokon kollu tagħha salvat l-eluf.
Il-folja nqalbet għal kollox ftit tas-snin wara. Minn Gwerra li fissret prosperità, xogħol, u ġid għal Malta, issa kien imiss perjodu li ġab miegħu tifrik, imrar, mard, ġuħ, u ċaħda kbira. Perjodu partikolari meta Malta nħakment mill-infern li ġabet magħha t-Tieni Gwerra Dinjija baqa’ mfakkar bħala l-Assedju fuq Malta.
Il-qagħda strateġika tal-gżira poġġietha fiċ-ċentru tal-palk tal-Gwerra. Kienet iċ-ċavetta għall-bażi tal-Alleati fejn dawn setgħu jagħtu sostenn lill-militanti tagħhom permezz tal-kampanja fl-Afrika ta’ Fuq, u l-post minn fejn setgħu jattakkaw l-Italja Faxxista.
B’kollox, Malta sofriet 154 jum u lejl ta’ attakki mill-ajru, bl-Assi jwaddbu aktar minn 6,000 tunnellata ta’ bombi fuq il-gżejjer tagħna. Kollox beda fl-10 ta’ Ġunju 1940, sigħat biss wara li Mussolini ddikjara gwerra kontra l-Kuruna. Malta, li kienet kolonja kruċjali ta’ dan l-imperu, kellha tmut għall-barrani.
Veru, illum f’Jum l-Armistizju nfakkru lil dak is-suldat li miet biex jipproteġi lil ulied uliedu li lanqas biss kien jaf li se jeżistu. Infakkru l-memorja ta’ dawk li mietu f’biċċerija tat-tajn x’imkien fl-Ewropa, sempliċiment għaliex dawk fil-poter riedu jagħmlu l-punt tagħhom ma’ xulxin. Infakkru lil dak iż-żagħżugħ, li minn logħba futbol ma’ sħabu spiċċa biex sab ruħu fil-battalja biex in-nies ma jgħidux bih.
Infakkru lil dawk li ġġieldu għal pajjiżhom bl-għajta tal-gidba antika Dulce et Decorum est pro patria mori.
Iżda fuq kollox, infakkru l-qlubija ta’ artna.
Faċli wieħed ma japprezzax it-tiġrib ta’ Malta tul is-snin. Speċjalment meta naraw il-gżira vibranti u mimlija ħajja u ġid li saret illum.
Faċli wieħed jinsa li għal din il-gżira ċkejkna f’nofs il-Mediterran, it-triq ma kienet faċli xejn. Malta kellha ġġarrab snin twal ta’ ħakmiet ħorox, gwerer, mewt, ġuħ, u inġustizzja.
Malta bkiet lill-uliedha kemm-il darba.
Illum, mitt sena minn tmiem il-Gwerra l-Kbira, tajjeb wieħed jiftakar f’dak kollu li rat artna tul l-Istorja twila tagħha.
Għaliex kieku artna kellha titkellem, minjaf xi stejjer kienet tgħidilna…